Reggie Burrows Hodges: Mela fl-aqwa ħames wirjiet tal-istaġun – Frieze, Artsy

Il-MICAS jiġbed l-attenzjoni tal-arti globali bl-ewwel wirja solo Ewropea tal-artist Kalifornjan Reggie Burrows Hodges, Mela

Tifħir mir-rivista internazzjonali tal-arti kontemporanja Frieze, kif ukoll Arsty, l-akbar suq tal-arti online fid-dinja, ikkonfermaw Reggie Burrows Hodges: Mela bħala waħda mill-aqwa ħames wirjiet tal-arti fl-Ewropa dan l-istaġun.
Hija konferma oħra għall-programm artistiku tal-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta (MICAS) li dan is-sajf ospita l-ewwel wirja solo Ewropea li qatt saret għall-artist Kalifornjan Reggie Burrows Hodges.
Frieze, il-magażin awtorevoli tal-arti, elenka l-wirja bħala waħda mill-eżebizzjonijiet essenzjali ta’ Awwissu għall-mod kif ix-xogħlijiet ta’ Hodges, kemm dawk monumentali kif ukoll dawk fuq skala żgħira, jieħdu dehra oħra permezz tal-ħitan imdendel tal-MICAS tul l-erba’ sulari, bit-taħlita estetika tal-ġebla storika fil-mużew, u s-saqaf tal-ħġieġ u l-azzar.
“Il-wirja kollha fiha laqta kurraġġjuża u fl-istess ħin tinħass organika: xogħlijiet bħal Mammajamma huma viżibbli mill-erba’ sulari kollha, u joħolqu ‘sightlines’ li jevokaw l-iskala ta’ stadju, filwaqt li oħrajn, bħal Les Capotées, jiżvelaw lilhom infushom gradwalment,” kitbet l-istoriku tal-arti Melissa Baksh – ir-riċensjoni sħiħa tagħha tiddeskrivi lil Hodges bħala artist li ħoloq “dinjiet fid-dinjiet li fihom figuri bla wiċċ joħorġu mid-dlam biex jerġgħu jinħallu lura fih, bħal forom li jaqgħu taħt il-wiċċ ta’ baħar żejt. Il-pitturi kumplessi u inkandexxenti tiegħu jitolbuna nidħlu sew f’dawn il-mumenti ta’ sospensjoni, fejn il-ħin jintilef mill-ħajja ta’ kuljum. Dak li joħroġ huwa meditazzjoni ħajja fuq l-ispirtu ta’ Malta: distinta, dejjiema u maħduma mill-marea.”
Artsy, il-pjattaforma ta’ bejgħ tal-arti b’aktar minn 3.4 miljun kollettur u dilettant, elenkat Reggie Burrows Hodges: Mela bħala waħda mill-“must-sees” fil-Mediterran għas-sajf tal-2026.
Imsemmija flimkien ma’ Casa Battló ta’ Barċellona u Vielle Charité ta’ Marsilja, Artsy qal li l-MICAS kien “post li ma tistgħax ma tmurx”, anke għal fatt li min jasal Malta jista’ jixxala f’dik li hi l-fużjoni Siculo-Għarbija tal-estetika Maltija.
“Minn Marsilja, Franza, għall-gżejjer Griegi, uħud mill-aktar wirjiet konvinċenti tas-sena qed iseħħu f’destinazzjonijiet Mediterranji,” jgħid Artsy meta jsemmi lil Malta bħala destinazzjoni essenzjali tas-sajf għal dawk li jħobbu l-arti.
“Dak li hemm fil-MICAS dan is-sajf tassew jifdi l-vjaġġ: Mela, l-ewwel wirja solo Ewropea tal-artist Amerikan Reggie Burrows Hodges. Il-wirja timla l-erba’ sulari kollha tal-gallerija bi 30 pittura ġdida li saru wara li l-artist irriloka l-istudjo tiegħu f’Malta għal sentejn, u assorba l-kosta tal-gżira, il-ħaddiema tal-kostruzzjoni tagħha, u l-kwalità tad-dawl tagħha.
“Ix-xogħol ċentrali huwa l-kanvas monumentali miżbugħ b’reazzjoni diretta għal Beheading of Saint John the Baptist (1608), ta’ Caravaggio imdendel fil-Konkatidral ta’ San Ġwann ħdejn il-port, u li huwa ta’ min jarah la tkun hemm.”
 

Artsy, 5 Stunning Art Exhibitions to See on the Mediterranean in Summer 2026

Frieze, 5 Shows to Catch Across Europe This August

Skip to content