Teresa Sciberras

Teresa Sciberras hija artista viżiva li taħdem prinċiparjament fil-pittura, it-tpenġija u l-collage. Twieldet f’Ibadan, in-Niġerja, u studjat fl-Università ta’ Malta, l-Iskola Internazzjonali tal-Arti Santa Reparata f’Firenze u fi Gray’s School of Art f’Aberdeen, l-Iskozja. Kisbet BA fil-Pittura mill-Kulleġġ Robert Gordon f’Aberdeen, BA fl-Ingliż mill-Università ta’ Malta u MFA fl-Arti Viżiva (Pittura) mill-Università ta’ Malta f’kollaborazzjoni mal-Università Monash, f’Melbourne. Hija partikolarment interessata li tikkrea spazji immaġinarji maħluqa minn frammenti tal-ħajja ta’ kuljum tagħha, permezz ta’ strateġiji ta’ collage biex issejjes il-prattika tagħha. L-aktar xogħol riċenti tagħha jilgħab bil-kostruzzjoni u dekostruzzjoni ta’ illużjoni spazjali biex jitkellem fuq il-qerq, il-ħabi u l-fraġiltà tal-istrutturi.

Xogħolha ntgħażel għal diversi wirjiet internazzjonali, fosthom Homo Melitensis, kif ukoll fil-Biennale des Jeunes Createurs d’Europe et de la Méditerranée (Skopje, 2009) u New Contemporaries (The Royal Scottish Academy, 2008). F’Malta ħadet sehem ukoll f’diversi wirjiet, bħal Artists as Archivists (l-Arkivji Notarili, il-Belt Valletta, 2018); Bodyless (Il-Mużew Marittimu, il-Birgu, 2016); Good Walls Make Good Neighbours (Valletta International Festival of Visual Arts (VIVA), 2015); Relocation: Emerging Artists from Malta (Bank of Valletta, 2010) u A New Generation (Malta Contemporary Arts Foundation, 2010).

Wirjiet individwali preċedenti jinkludu Box Set (Casa Ellul, il-Belt Valletta, 2019); Hortus Conclusus ma’ Fragmenta Malta (2016); u Little White Lies (Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Belt Valletta, 2012).

Xogħolha miżmum f’kollezzjonijiet pubbliċi u privati f’Malta, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, il-Belġju, l-Italja, Franza u l-Ġermanja. Dawn jinkludu l-kollezzjonijiet permanenti tal-Parlament Ewropew, l-Akkademja Skoċċiża Rjali, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti (MUŻA), l-Ambaxxata Amerikana f’Malta u l-Ambaxxata Maltija f’Washington. Xogħolha deher ukoll f’The Public Catalogue Foundation, ir-Renju Unit (ArtUK.org) u fuq il-pjattaforma internazzjonali għall-arti kontemporanja, Ocula, fejn hija rrapreżentata permezza tal-gallerija Valletta Contemporary. Il-pubbliku jista’ jara xogħolha fuq il-website tagħha teresasciberras.com

Bħalissa tgħix u taħdem Malta u tgħallem fl-Istitut għall-Arti Kreattivi MCAST.

Ritratt ħajr Eliza Von Brockdorff, Gabriel Caruana Foundation

Share

Skip to content