Is-saqaf ikoniku tal-MICAS, li żżewweġ b'mod kważi naturali mal-kumplament tal-istrutturi storiċi tal-inħawi

Saffi tal-MICAS (it-Tieni Parti): is-Swar tal-Furjana u l-Forti San Salvatur

L-essenzjali dwar is-Swar tal-Furjana, il-fortifikazzjonijiet li l-MICAS se jiġi inkorporat fihom

Tista’ tara l-ewwel parti ta’ din is-serje, li tibda bl-istorja tal-Ospizio
Idħol fil-ġonna ta’ Sa Maison, u quddiemek issib il-maestà tax-xogħol artistiku ta’ Ugo Rondinone, The Radiant, l-ewwel akkwist pubbliku tal-MICAS mindu nbdew ix-xogħlijiet fuq il-Forti San Salvatur.
Matul il-qala tal-Imsida, id-dehra ta’ Forti Manoel u Forti Tignè jgħaqqdu waħda mill-eqdem veduti fuq il-baħar li teħodna lura lejn imgħoddi li fih il-Baħar Mediterran, u Malta, kienu kamp tal-battalja bejn sferi ġeografiċi ta’ influwenza u fidi differenti.
Hawnhekk, il-MICAS imkenni bejn dawn is-saffi tal-istorja – imma x’inhuma l-għanijiet tal-bastjuni, il-fortizzi, il-purtieri, il-lunetti u r-rivellini li jdawru l-mużew ġdid fjamant tal-arti kontemporanja f’Malta?
F’din l-informazzjoni essenzjali fuq is-Swar tal-Furjana, se niggwidawk viżwalment u kronoloġikament dwar il-bini tagħhom fl-1636 mill-inġinier militari Pietro Paolo Floriani – li ismu ngħata lis-subborg li qabel kien jissejjaħ Borgo Vilhena – biex b’hekk tifhem aħjar l-ismijiet tal-fortifikazzjonijiet li jilqgħu lill-MICAS.
 Mappa tal-iSwar tal-Furjana: MICAS tinsab biswit il-Bastjun La Vittoria

Is-Swar tal-Furjana – 1640

Qabelxejn, ftit storja. Is-Swar tal-Furjana nbnew bħala t-tieni linja ta’ difiża snin wara l-Assedju l-Kbir li seħħ fl-1565, biex jipproteġu x-xtut tal-Belt Valletta minn żviluppi teknoloġiċi ġodda li żiedu l-firxa tal-artillerija.
Il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann bdew ix-xogħlijiet fl-1635. Ħames snin wara, is-swar kienu għadhom mhux lesta imma ġew ikkunsidrati parzjalment difensibbli.
Wara li fl-1669, il-flotta Ottomana ħatfet Kandja (illum Heraklion), bdew jiżdiedu aktar alterazzjonijiet mas-swar mill-inġinier militari Maurizio Valperga, b’dawn l-alterazzjonijiet jibqgħu għaddejjin sas-seklu 18.

 

Il-Forti San Salvatur, u l-faussebraye prottettiva li fiha jinsab il-ġnien ta’ Sa Maison, hawnhekk f’ritratt miġbud mit-triq tal-Marina tal-Msida

Il-Purtiera Polverista

Jekk timxi mal-marina tal-Imsida, tista’ tara l-Purtiera Polverista – ħajt purtiera twil kurazzat li jgħaqqad il-Bastjun tal-Imsida fuq ix-xellug, li llum fih iċ-Ċimiterju Storiku, mal-Bastjun La Vittoria fuq il-lemin. Il-bażi navali tal-Forzi Armati ta’ Malta, f’Haywharf, tinsab eżatt wara din il-purtiera. Isimha ġej mill-bini tal-fabbrika tal-porvli fuq is-sit fl-aħħar snin tas-seklu 17 wara li tneħħiet mill-Belt Valletta, u hija r-raġuni għaliex l-istruttura hija magħluqa fi ħdan daħla b’ħitan rettangolari.

Sa Maison u l-Arkata Mżerżqa

Il-ġonna ta’ Sa Maison magħrufa wkoll bħala l-Ġnien tal-Milorda jinsabu fi faussebraye protettiva, li hija parti mill-ħajt li jinfirex tul il-wisa’ kollha tal-ewwel art tal-Furjana, li żdied minn Valperga fl-1670. Il-ħajt serva bħala tarka għall-bażi tas-swar ewlenin.
Biex tifhem aħjar l-iskala ta’ dan il-ħajt, fl-għoxrinijiet tas-seklu 18, Bieb il-Bombi – illum l-entratura ewlenija għall-Furjana u l-Belt Valletta – kien mibni f’dan il-faussebraye bħala arkata waħda.
Kompli imxi sat-tarf tal-ġonna ta’ Sa Maison u ssib, arkata kbira mżerżqa, magħrufa bħala l-‘arcone’, disinn attribwit lill-perit Malti G. Barbara. Illum, din l-arkata mżerżqa hija integrata fl-istruttura ta’ erba’ sulari tal-MICAS. Din l-arkata tipprovdi mina interna ta’ komunikazzjoni li twassal għal sett ta’ tliet galleriji kontromini fil-fortizza.

L-arkata kbira mżerżqa, magħrufa bħala l-‘arcone’, disinn attribwit lill-perit Malti G. Barbara.

 

Il-Forti San Salvatur

Waqt li tkun fil-ġonna ta’ Sa Maison, agħraf li tinsab ukoll wara l-Forti San Salvatur.
Il-forti pproteġiet aktar il-Bastjun ta’ Provence (magħruf ukoll bħala l-Bastjun San Salvatur). Il-Forti San Salvatur huwa grupp ta’ iġbla magħmul mit-trab, li kien jintuża biex jirrinforza l-Bastjun ta’ Provence u fih għadd ta’ pjattaformi għall-kanuni.
Il-Forti San Salvatur se jkun is-sit għall-ġnien tal-iskultura tal-MICAS, u se jitlesta fl-2026.
Il-Galleriji tal-MICAS jinsabu f’sezzjoni tal-fortifikazzjoni li tinsab fil-limiti tal-forti fit-tarf tal-arkata mżerżqa.

L-ispazju aħdar fi ħdan il-Forti San Salvatur li se jintuża għal-ġnien tal-iskulturi tal-MICAS

 

Il-Bastjun San Salvatur

Ladarba tidħol fl-ispjanata ewlenija tal-MICAS, bil-galleriji tal-MICAS fuq il-lemin tiegħek, se ssib il-Bastjun San Salvatur (jew il-Bastjun ta’ Provence), li huwa kbir u li kien inbena qabel il-forti.
Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-bastjun tgħammar b’żewġ pjattaformi għall-kanuni. Fi żmien il-paċi, laqa’ ġo fih uffiċċji tal-gvern.
Oriġinarjament, il-Bastjun San Salavatur kien bastjun kbir bi trunċieri bir-ritirata mibnija għalih. Fis-seklu 18, il-pjanta l-ġdida inkludiet il-Forti San Salvatur u foss.
Il-bastjun fih ukoll diversi passaġġi u ftuħ li jikkomunikaw ma’ xulxin, b’waħda minnhom tiftaħ fuq l-ispjanata tal-MICAS.

 

Il-misraħ tal-MICAS. Fuq ix-xellug, il-Bastjun ta’ Provence, li jintuża bħala sit ta’ uffiċċini tal-gvern

 

Il-Bastjun La Vittoria
Il-Bastjun La Vittoria huwa s-sit ta’ Beacons, ix-xogħol artistiku ta’ Conrad Shawcross, kif ukoll huwa l-post tal-workshops u r-residenzi artistiċi tal-MICAS.
Inbena wara s-sena 1670, u fih żewġ partijiet, il-livell ta’ fuq b’bitħa mdawra minn kurazzi tal-kanuni, u pjattaforma terazzin b’amberżuni tal-kanun; u l-livell ta’ isfel bi spazji interjuri b’ħafna ħnejjiet u mħażen għall-armi. Waħda mill-kamra ġewwa l-interjur kienet inbidlet f’maħżen tal-porvli tas-seklu 19.
Il-livelli varji tal-bastjun għadhom jagħtu għal xulxin permezz ta’ turġien u żewġ fetħiet, u t-tielet waħda tipprovdi aċċess għall-kontromina ġewwa l-Bastjun ta’ Provence.

 
MICAS Beacons, ta’ Conrad Shawcross

Skip to content