Dr. Mario Balzan. Photo credit: Lourdes Photography

Mhux biss pjanti: Il-ħolqien ta’ post ekoloġiku bħala ġustizzja ridistributtiva

Analiżi spazjali tista’ tgħin lil dawk li jfasslu l-politika jifhmu kif soluzzjonijiet imsejsa fuq in-natura għandhom l-ewwel jirrispondu għall-bżonn tal-komunità li tibbenefika min-natura, minflok jitqiesu bħala xi bakketta ‘estetika’ fuq iċ-ċentri urbana b’popolazzjoni densa ħafna.

Dr Mario Balzan, lettur anzjan tal-MCAST u fundatur tal-Ecostack Innovations, permezz tal-preżentazzjoni tiegħu fil-konferenza tal-MICAS, Ir-Rabta man-Natura: Il-Ġnien Urban u l-Ħolqien tal-Post staqsa min jibbenefika min-natura, speċjalment f’ċentri urbana b’popolazzjoni densa ħafna?
It-tweġiba skjetta hija mhux kulħadd.

Balzan isib din id-diskriminazzjoni fis-sejbiet xjentifiċi li jixhdu kif ġonna privati u siġar urbana huma erba’ darbiet aktar aktar effettivi għal kull unità ta’ żona f’termini ta’ “regolamentazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ servizz tal-ekosistema għal kull unità ta’ żona” – jiġifieri, il-provvediment tal-benefiċċji tan-natura li jirregolaw il-kwalità tal-ambjent lokali. Il- ġonna pubbliċi li huma l-aktar assoċjati ma’ servizzi tal-ekosistema kulturali għandhom tendenza jkunu anqas effettivi meta mqabbla mal-mogħdijiet tal-ilma, garrigue, jew bajjiet li jitgawdew għar0rekreazzjoni, it-turiżmu, in-natura, jew għall-valuri spiritwali, ta’ patrimonju u estetiċi.

“Jekk ġonna privati huma effettivi aktar minn spazji ekoloġiċi pubbliċi… ifisser li jekk inti f’pożizzjoni ekonomika komda, għandek lawrja, xogħol iħallas tajjeb, probabbilment għandek aktar aċċess għan-natura u l-benefiċċji tagħha.”

F’żoni żvantaġġjati li m’għandhomx spazji pubbliċi li joffru l-benefiċċji tan-natura, ħafna drabi jkunu dawk qiegħda, dawk b’diżabbiltà jew mard, u dawk f’xogħlijiet elementari, li jkollhom anqas aċċess. “Dan aspett importanti li juri kemm l-ekoloġija mhix biss dwar pjanti, imma kwistjoni soċjali u ekonomika,” jgħid Balzan. Hija sfida li torbot mal-proġett ekoloġiku infrastrutturali tal-MICAS li qed jiġi żviluppat: ġnien pubbliku, li minbarra l-valur estetiku tiegħu, jippromwovi bijodiversità urbana u jrawwem ħolqien tal-post permezz ta’ konnessjonijiet man-natura, l-ispazji fiżiċi u l-arti kontemporanja.

F’referenza għall-istudji li għamel fuq il-Belt Valletta, Balzan jgħid li l-ispazji pubbliċi fiċ-ċentri urbana neqsin mill-aspett kruċjali tal-kenn tas-siġar, li huwa vitali f’żoni b’popolazzjoni densa bħala sors ta’ dell, imma aktar importanti minn hekk bħala bir tal-karbonju u biex jirribatti t-tniġġiż tal-arja u l-istorbju f’dawn iż-żoni. Gruppi żvantaġġjati f’dawn iż-żoni jsofru min-nuqqas ta’ kenn tas-siġar, u għalhekk titqanqal il-mistoqsija għaliex l-ispazju jew il-finanzjament mhux ipprojoritizzat għal tħawwil ta’ siġar f’dawn iż-żoni li għandhom domanda ogħla għal dawn il-benefiċċji.

Balzan, permezz ta’ eżempji ta’ proġetti ffinanzjati pubblikament, jenfasizza l-użu ta’ ħitan jew bjut ekoloġiċi li jikkumplimentaw infrastruttura ekoloġika eżistenti, speċjalment f’żoni bi spazji miftuħa limitati. Imma r-riċerka tiegħu tikxef lakuna fil-fehim: dan l-approċċ f’Malta ta’ li ssir xi ħaġa biex jingħad li qiegħda ssir għandu tendenza li jindirizza biss firxa dejqa ta’ sfidi tas-soċjetà fl-ambjent urban.

“F’Mata għandna tendenza niffokaw fuq iż-żoni naturali tagħna,” jgħid Balzan f’referenza għall-pajsaġġ rurali, “[l-isfidi] tan-nixfa u s-sħana u t-telfien tal-bijodiversità… Jista’ jkun li minħabba f’hekk ma nkunux qed naraw il-bliet bħala żoni ta’ soluzzjonijiet imsejsa fuq in-natura. Għandna nitkellmu fuq in-natura bħala multifunzjonali.”

Allura għaliex id-dewmien għal intervent imsejjes fuq in-natura għal-lokalitajiet urbana f’Malta? Balzan jemmen li l-partijiet ikkonċernati jirrappurtaw lakuna kbira fuq it-tip ta’ soluzzjonijiet imsejsa fuq in-natura, jew fuq kemm jiswew. “L-istituzzjonijiet tagħna għandhom nuqqas ta’ għarfien interdixxiplinarju, gwida nazzjonali u prattika, nuqqas ta’ moniteraġġ, u spazju limitat.”

Balzan jgħid li wasal iż-żmien biex nistaqsu l-mistoqsijiet ġusti: min huma li għandhom l-aktar bżonn tal-benefiċċji tan-natura? Liema komunitajiet għandhom bżonn l-aktar kenn mis-siġar u titjib fil-kwalità tal-arja, u l-awtoritajiet kif jistgħu jipprijorotizzaw lil dawn?

It-titjib ta’ spazji miftuħa huwa wieħed minn dawn l-interventi effettivi, imma Balzan isejjaħ ukoll għall-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet imsejsa fuq in-natura fuq żviluppi ġodda u d-disinn tagħhom, b’mod li n-natura tintuża wkoll biex tindirizza l-isfidi tas-soċjeta. “Analiżi spazjali jistgħu jgħinuna nifhmu li għandna niffokaw fuq żoni partikolari, x’inhu l-aktar effettiv rigward spazji ekoloġiċi disponibbli u x’inhuma l-aktar benefiċċji tan-natura mitluba.”

Tista’ ssegwi l-konferenza Ir-Rabta man-Natura: Il-Ġnien Urban u l-Ħolqien tal-Post, fuq il-paġna ta’ Facebook tal-MICAS hawnhekk.

Share

Skip to content