Twieled f’Malta fl-1951. Jgħix u jaħdem fil-gżira ta’ Għawdex (Malta), u mill-2010 ’l hawn kien ibbażat ukoll f’Berlin, il-Ġermanja.
Qabel qaleb għall-installazzjonijiet artistiċi fl-1997, beda bħala pittur u artist grafiku li tgħallem waħdu. Iggradwa fl-Arkitettura mill-Università ta’ Malta fl-1977, u ħadem fil-professjoni ta’ perit sal-1996. Bejn l-1978 u l-1979 għex il-Ġermanja waqt li ħadem mal-kumpanija Licht in Raum, immexxija minn Johannes Dinnebier, wieħed mill-pijunieri Ġermaniżi fid-disinn tad-dwal. L-arti kontemporanja ta’ Attard tinkorpora l-arkitettura, l-iskultura, il-fotografija, il-vidjo u l-installazzjoni, biex tesplora l-interessi ewlenin tiegħu fil-postijiet u l-memorji tagħhom. Karatteristika ta’ Attard hija li jċajpar il-fruntieri ta’ dawn id-dixxiplini, sabiex jinkorpora l-fiżikalità irriduċibbli tas-siti, u biex jesplora s-saffi multipli tal-memorja sedimentati tagħhom, jitrattahom bħala prodott ta’ post, ta’ interazzjoni soċjali, u ta’ proċess ġenerattiv. Rinomat għall-approċċi poetiċi u varjati lejn proġetti artistiċi. Jgħaqqad deliberatament temi soċjali, kulturali, politiċi, xjentifiċi u reliġjużi ma’ arranġament kuraġġuż, mibni metikolożament b’għajn dixxiplinata ta’ perit li tagħraf id-dettalji rqaq. Jinvestiga elementi ta’ ironija, duwalità, dikotomija u ambivalenza u jgħaqqad materjali ta’ kuljum u oġġetti misjuba b’modi diversi.
Huwa membru fundatur ta’ stART (2002) – grupp ta’ artisti kontemporanji Maltin; kien membru tal-kumitat tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura (2002-2005); membru tal-kumitat ta’ Pjazza Teatru Rjal (2013-2020), ilu direttur ta’ Gozo Contemporary mill-2001 – spazju għall-arti li joffri residenzi indipendenti għal artisti lokali u internazzjonali. Norbert Francis Attard huwa l-fundatur tal-Fondazzjoni Norbert Francis Attard (qabel kienet magħrufa bħala l-Fondazzjoni META), li hija l-korp organizzattiv ta’ Valletta Contemporary (VC) li waqqaf f’April tal-2018. Bħalissa Attard huwa d-direttur artistiku ta’ VC.
Ħoloq għadd ta’ installazzjonijiet u ħa sehem f’ħafna wirjiet internazzjonali fosthom fl-Iskozja, l-Ingilterra, id-Danimarka, il-Belġju, il-Brażil, Kuba, l-Awstrija, l-Italja, Spanja, il-Ġermanja, il-Liechtenstein, il-Lussemburgu, il-Litwanja, it-Turkija, Iżrael, il-Greċja, il-Korea t’Isfel, Ċipru, il-Gżejjer Kanarji, l-Irlanda, l-Awstralja, l-Istati Uniti tal-Amerka , iċ-Ċina, il-Ġappun u t-Tajwan. Attard irrappreżenta lil Malta fit-48 Biennale ta’ Venezja, l-Italja, fl-1999.
Attard ħa sehem f’wirjiet internazzjonali, fost oħrajn: il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Lussemburgu (2017); Il-Kunsill tal-Ewropa, Strażburgu (2016); Kunstquartier Bethanien, Berlin, il-Ġermanja (2015); il-Biennale ta’ Beijing, Beijing, iċ-Ċina (2015); Sculpture by the Sea: Aarhus, id-Danimarka (2015); Bewegter Wind, Kassel, il-Ġermanja (2014); Fjerrerup I Bund & Grund, Fjellerup, id-Danimarka (2013); Manifesta 9 Parallel Events, Genk, il-Belġju (2012); Beaufort 04, De Panne, il-Belġju (2012); Meridian/Urban Project, Berlin, il-Ġermanja (2011); Galeria Nuble, Santander, Spanja (2011); OSTRALE 011, Dresden, il-Ġermanja; I-Park, Connecticut, l-Istati Uniti tal-Amerka (2011); il-5es Biennale VentoSul, Curitiba, il-Brażil (2009); il-25 Alexandria Biennale, l-Eġittu (2009); CUBE OPEN, Manchester, ir-Renju Unit (2009); it-2ni Bienal de Canarias, il-Gżejjer Kanarji (2009); INHABIT 09, Brisbane, l-Awstralja (2009); Turner Contemporary, Margate, ir-Renju Unit (2008); Irish Museum of Modern Art, Dublin, l-Irlanda (2008); INTRUDE 366, Zendai Museum of Modern Art, Shanghai, iċ-Ċina (2008); it-3et Echigo Tsumari Triennale, il-Ġappun (2006); Kaohsiung Museum of Fine Arts, it-Tajwan (2005); Casoria Museum of Contemporary Art, Napli, l-Italja (2005); ARTIADE, Ateni, il-Greċja (2004); Macedonia Museum of Contemporary Art, Thessaloniki, il-Greċja (2003); it-8ien Havana Biennale (2003); it-2ni Liverpool Biennale (2002); Edinburgh International Festival, l-Iskozja (2002); FLOATING LAND, Noosa, l-Awstralja (2001); u DIASPORA, Oviedo, Spanja (1998).
Share
Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”. Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”. Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
© Malta International Contemporary Art Space 2023
© Malta International Contemporary Art Space 2024
© Malta International Contemporary Art Space 2024