1885 | Imwieled f’Altmar, New York
Milton Clark Avery twieled fis-7 ta’ Marzu 1885 f’Altmar, New York, l-iżgħar minn erba’ aħwa f’familja mill-klassi tal-ħaddiema.
1898-1905 | Jiċċaqlaq lejn Hartford
Fl-1898, il-familja Avery timxi lejn Hartford, Connecticut. Ta’ 16, Avery jitlaq mill-iskola u jibda jaħdem f’fabbrika biex isostni lill-familja li fl-1905 tilfet il-missier.
1905-1919 | L-Iskola tal-Arti tas-Soċjetà ta’ Hartford
Bħala l-uniku persuna li ssostni lill-familja, permezz tal-impjieg tiegħu f’fabbrika u aktar tard bħala skrivan, Avery xorta jsib il-ħin jistudja l-arti fil-Connecticut League of Art Students f’Hartford. Wara jibda jattendi l-Iskola tal-Arti tas-Soċjetà ta’ Hartford. Hemmhekk, fil-lezzjonijiet tal-pittura ta’ persuni u ta’ mudelli, jikseb l-unuri. Fl-1911, iniżżel lilu nnifsu bħala artist fid-direttorju tal-belt ta’ Hartford.
1920-1926 | Żwieġ u bidu f’New York
Fl-1920, Avery jivvjaġġa għall-ewwel darba lejn Gloucester, Massachusetts, u jibda d-drawwa li tibqa’ sejra għall-bqija ta’ ħajtu: li jqatta’ s-sjuf fi nħawi ta’ ġmiel naturali fejn joħloq skeċċis u xogħlijiet b’akkwarelli li aktar tard jiżviluppa f’pitturi. Fl-1924, Avery jiltaqa’ mal-artista Sally Michel (1902-2003) fi Gloucester, u fl-1 ta’ Mejju 1926 jiżżewġu.
Waqt li fil-bidu tal-1915 jibda jipparteċipa f’wirjiet kollettivi, Avery idum jistenna sal-1924 sakemm itella’ l-ewwel wirja individwali tiegħu. Imbagħad fl-1928 itella’ l-ewwel wirja individwali tiegħu fi New York.
Fl-1925, wara li jibda jgħix fil-belt ta’ New York, Avery jilħaq l-għan tiegħu li jsir esklużivament pittur. Dan jintlaħaq ukoll bis-saħħa tad-dħul ta’ Sally bħala illustratriċi. It-tnejn jibdew jattendu għal lezzjonijiet dwar skeċċis fl-Art Students League.
Is-snin bikrija tiegħu kkaratterizzati minn etika ta’ xogħol rigoruża, u fihom huwa u Sally jżuru mużewijiet u gallariji fil-belt ta’ New York kull nhar ta’ Sibt, li jiftħulhom tieqa għax-xogħlijiet tal-Modernisti Ewropej.
1929 | Jiltaqa’ ma’ Mark Rothko u għall-ewwel darba mużew jakkwista xogħol tiegħu
Wara wirjiet kollettivi fl-1927 u l-1928 fl-Opportunity Gallery, il-vjolinist Louis Kaufman, ilaqqa’ lil Avery ma’ Marcus Rothkowitz, artist ġdid ieħor fix-xena bħalu, u li aktar tard isir magħruf aħjar bħala Marcus Rothko. Miegħu jibni ħbiberija li ttul ħajtu kollha. Eventwalment Rothko jlaqqa’ lil Avery ma’ Adolph Gottlieb u Barnett Newman. Avery, Gottlieb u Rothko jibdew jiltaqgħu kważi kuljum għal sessjonijiet ta’ tpenġija. Rothko u Gottlieb ta’ spiss jibdew jingħaqdu ma’ Avery u l-familja tiegħu waqt il-vaganzi tas-sajf, li fihom ipenġu u jpittru flimkien. L-Averys qattgħu s-sjuf tagħhom fi Gloucester, Vermont, il-Messiku (1946), California, il-Peniżola Gaspé (1938) u, aktar tard, fi Provincetown, u Woodstock.
Il-Phillips Collection ta’ Washington, D.C. ikun l-ewwel mużew li jakkwista waħda mill-pitturi ta’ Avery, Winter Riders, 1929.
1932 | Titwieled March Avery
Fl-1932, jitwieled l-uniku wild tal-familja Avery, March, u minn dakinhar ’il hemm hija ssir is-suġġett ta’ ħafna mill-pitturi tiegħu.
1933-1935 | WPA u Valentine Gallery
Wara żmien qasir jaħdem għall-Proġett Artistiku tax-Xogħlijiet Pubbliċi tal-Amministrazzjoni tal-Progress fix-Xogħlijiet, fl-1935 Avery jingħaqad mal-Valentine Gallery. Mill-ewwel wirja tiegħu hemmhekk, Dr. Albert Barnes jakkwista l-pittura tiegħu Nurse Maid, 1934.
1943-45 | Paul Rosenberg Gallery u Durand Ruel Gallery, l-ewwel wirja individwali f’mużew
Fl-1943, Avery itella’ l-ewwel wirja individwali tiegħu f’mużew fil-Phillips Memorial Gallery (illum The Phillips Collection).
Minkejja li Avery esebixxa b’mod estensiv matul it-30ijiet, huwa ġeneralment maqbul li l-fażi matura tal-karriera tiegħu tibda wara li jingħaqad mal-Paul Rosenberg Gallery fl-1943. Rosenberg kien assoċjat mal-avant-garde Ewropew u anki rrappreżenta lill-Amerikani Max Weber u Marsden Hartley. Fl-1945, Avery itella’ simultanjament wirjiet mal-gallarija ta’ Rosenberg u ta’ Durand-Ruel. Bejn l-1944 u l-1949 ikompli jaħdem maż-żewġ gallariji.
1949 | Problemi ta’ saħħa
Avery jsofri attakk tal-qalb serju. Matul il-konvalexxenza tiegħu huwa jikkonċentra fuq il-ħolqien ta’ monotipi. Malli jkompli jpitter, xogħlu jixhed sottilezza ġdida fit-tħaddim taż-żebgħa, u tendenza lejn toni xi ftit inqas intensi.
1951-1952 | Grace Borgenicht Gallery, jivvjaġġa lejn l-Ewropa
Fl-1951, Avery jibda jiġi rrappreżentat mill-Grace Borgenicht Gallery, relazzjoni ta’ ħidma li tibqa’ sejra sa mewtu.
Fl-1952, Milton u Sally Avery jivvjaġġaw għall-ewwel darba lejn l-Ewropa, iżuru Londra, Pariġi, u r-Riviera. Dan huwa l-unika vjaġġ tiegħu fl-Ewropa.
1952-53 | Retrospettiva fil-Baltimore Museum
Issa ta’ 67, ir-retrospettiva li tiddefinixxi l-karriera ta’ Avery tiftaħ fil-Baltimore Museum of Art (1952-53). Fil-Baltimore Museum of Art, tinfetaħ Milton Avery, wirja kbira ta’ 85 xogħol, li tagħti lil Avery livell ta’ espożizzjoni nazzjonali li sa qabel qatt ma jkun esperjenza, minkejja li jkun ilu attiv għal kważi 40 sena. Il-wirja, b’esej għall-katalogu minn Frederick S. Wight, tivvjaġġa għal The Phillips Collection, il-Wadsworth Atheneum Museum of Art; l-Institute of Contemporary Art, Boston u nħawi oħrajn.
1957-1960 | Sjuf fi Provincetown, Clement Greenberg, attakk tal-qalb
Avery iqatta’ erbat isjuf fi Provincetown, fejn, x’aktarx influwenzat mit-tili kbar tal-kollegi tiegħu tal-Moviment Espressjoniżmu Astratt, jibda jaħdem fuq skala akbar. Hemmhekk, għall-ewwel darba wkoll, fl-istudio tas-sajf tiegħu, ipitter direttament fuq it-tila.
Fl-1958, Clement Greenberg jikteb artiklu importanti fuq Avery, li fih iwassal entużjażmu influwenti dwar xogħlu. Huwa jagħlaq l-esej tiegħu: “Hemm ċertu pitturi tal-baħar li Avery pitter fi Provincetown fis-sjuf tal-1957 u l-1958 li nistenna li jispikkaw f’Pariġi, jew Ruma jew Londra daqskemm jispikkaw fi New York.”
F’Ottubru tal-1960, isofri t-tieni attakk tal-qalb li jdagħjfu.
Il-wirja individwali tiegħu, Milton Avery, tiġi organizzata u ċċirkolata minn The American Federation of Arts, u tiftaħ fil-Whitney Museum of American Art.
1962 | L-ewwel monografu
Jiġi ppubblikat l-ewwel monografu dwar Avery, miktub minn Hilton Kramer.
Victor Waddington jippreżenta l-ewwel wirja ta’ xogħlijiet ta’ Avery f’Londra, wara suġġeriment mill-artist Patrick Heron. Huwa jkompli jesebixxi lil Avery fil-gallarija tiegħu sa mewtu fl-1981, u jinteressa ruħu b’mod speċjali fix-xogħlijiet monokratiċi ta’ Avery li huwa joħloq fl-aħħar stadju tal-karriera tiegħu. Anki taħt it-tmexxija ta’ ibnu, Leslie Waddington, il-gallarija tkompli tirrappreżenta lil Avery.
1963 | Rikonoxximent akkademiku u mewt
Fl-1963, Avery jiġi elett Fellow tal-Akkademja tal-American Academy of Arts and Sciences. Huwa jmut fit-3 ta’ Jannar 1965, fl-isptar Montefiore, fl-età ta’ 79 sena. Il-kommemorazzjoni tiegħu, b’eloġju mwassal minn Mark Rothko, isseħħ fis-Society of Ethical Culture. Avery jinsab midfun f’The Woodstock Artists Cemetery.
1964-1965 | Wirjiet individwali wara l-mewt ta’ Avery
Eżatt qabel u wara mewtu, ittellgħu diversi wirjiet kommemorattivi madwar l-Istati Uniti, fosthom Paintings by Milton Avery, fil-Wadsworth Atheneum, Hartford (1964) u Milton Avery Paintings: 1941-1963, iċċirkolata minn The Museum of Modern Art, New York (1964-65). Ittellgħu wkoll wirjiet aktar intimi fl-HCE Gallery fi Provincetown, u The Woodstock Artists Association and Museum.
1982 | Retrospettiva ewlenija minn Whitney
Fl-1982, ir-retrospettiva tax-xogħol ta’ Avery, Milton Avery, tiġi organizzata u timxi minn post għal ieħor mill-Whitney Museum of American Art, b’Barbara Haskell bħala kuratriċi.
2021-2022 | Debutt Ewropew fir-Royal Academy
Fl-2022, ir-Royal Academy of Arts ta’ Londra organizzat l-ewwel wirja ta’ xogħlijiet ta’ Milton Avery f’mużew Ewropew, b’Edith Devaney bħala kuratriċi. F’kollaborazzjoni mal- Modern Art Museum of Fort Worth u l-Wadsworth Atheneum, il-wirja Milton Avery: American Colourist, hija l-ewwel retrospettiva individwali tal-artist fl-Ewropa, u tikkonsisti f’70 xogħol artistiku ewlieni mifruxa mill-ewwel deċennju tas-seklu 20 sas-sittinijiet tal-istess seklu.