MICAS jirbaħ il-Proġett tas-Sena fil-Premju Servizz Pubbliku 2025

Irrikonoxxut ix-xogħol tal-uffiċjali pubbliċi li eċċellaw fid-doveri tagħhom

L-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta (MICAS) ingħata wieħed mill-ogħla premjijiet tas-servizz pubbliku Malti talli wassal l-aktar destinazzjoni kulturali ġdida ta’ Malta bi programm artistiku ambizzjuż.
Iċ-chairperson eżekuttiv tal-MICAS Phyllis Muscat, li mexxiet il-proġett mill-konċepiment sal-ftuħ tiegħu s-sena l-oħra, ġabret il-Premju għal-Proġett tas-Sena fil-Premjijiet tas-Servizz Pubbliku, li jirrikonoxxu l-uffiċjali pubbliċi li ddistingwew ruħhom fid-dmirijiet tagħhom matul l-2024.
“Ninsabu onorati b’dan ir-rikonoxximent. Minn qalbi nirringrazzja t-tim tal-MICAS, il-bord u l-kumitati tiegħu, il-ħaddiema tagħna, il-kollaboraturi kollha tagħna li għenuna matul il-binja, kif ukoll is-sostenituri u l-ħbieb tagħna fil-komunità tal-arti viżwali,” qalet Muscat.
Phyllis Muscat mexxiet l-kumitat tal-proġetti kapitali oriġinali li nieda l-proġett MICAS, u mexxiet l-bord tad-diretturi mill-2018 il quddiem biex kull sena il-MICAS Art Weekends setgħu jistiednu artisti internazzjonali, jikkumissjona  ta’ skulturi li se jinżammu fil-ġnien tal-MICAS, u sa fl-aħħar it-tlestija tal-mużew tal-arti kontemporanja ta’ €30 miljun fil-Furjana.
Il-MICAS fetaħ il-bibien tiegħu f’Ottubru 2024, u ppożizzjona lil Malta bħala attur proattiv fid-dinja internazzjonali tal-arti kontemporanja, biex iqajjem kuxjenza pubblika dwar il-valur tal-arti viżiva fil-ħajja kontemporanja u juri kif l-arti u l-artisti jikkontribwixxu għall-interpretazzjoni tad-dinja li ngħixu fiha.
Il-proġett MICAS kien jinkludi r-restawr tal-fortifikazzjonijiet storiċi fil-Furjana u l-ex kumpless Ospizio, li darba kien jintuża bħala polverista fiż-żmien tal-Kavallieri.
Iċ-ċerimonja tal-Premjijiet tas-Servizz Pubbliku, li tikkoinċidi mal-Jum tas-Servizz Pubbliku tan-Nazzjonijiet Uniti, saret taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika, Dr Myriam Spiteri Debono.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, li jmexxi l-amministrazzjoni pubblika ta’ Malta, qal li l-maġġoranza l-kbira tal-impjegati tas-servizz pubbliku jiffaċċjaw sfidi reali fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum u għandhom rwol importanti f’ħafna oqsma tas-soċjetà. 
“Inħeġġeġ lill-uffiċjali pubbliċi biex dejjem ikunu kburin b’xogħolhom, għax mhux biss qed jagħmlu xogħol – qed jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina lil pajjiżna mingħajr impjegati tas-servizz pubbliku.”
Skip to content