Mix-xellug: Georgina Portelli, Joyce Camileri, Vince Briffa, direttur artistiku Edith Devaney, ministru Owen Bonnici, ċerpersin tal-MICAS Phyllis Muscat, Anton Grech, u Caesar Attard

Malta International Contemporary Art Space iniedi wirja ġdida b’sitt artisti Maltin ewlenin

The Space We Inhabit (L-Ispazju li Ngħammru fih), bis-sehem tal-artisti Caesar Attard, Vince Briffa, Austin Camilleri, Joyce Camilleri, Anton Grech u Pierre Portelli, iġib l-arti Maltija fix-xena internazzjonali f’Ġunju 2025

21 ta’ Mejju 2025
Malta International Contemporary Art Space (MICAS) ħabbar it-tieni wirja tiegħu, L-Ispazju li Ngħammru fih,  li se tkun varata s-Sibt, l-14 ta’ Ġunju 2025, u li tinkludi xogħol minn sitt artisti stabbiliti Maltin.
Is-sitt artisti Maltin huma Caesar Attard, Vince Briffa, Austin Camilleri, Joyce Camilleri, Anton Grech u Pierre Portelli, b’wirja li se tinkludi pitturi, skultura, u xogħol awdjo-viżiv.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Owen Bonnici ħabbar il-wirja flimkien mad-Direttur Artistiku tal-MICAS, Edith Devaney.
“Din il-wirja timmarka pass sinifikanti għall-arti kontemporanja Maltija. Qed neżibixxu artisti Maltin li b’xogħolhom iħabbtuha ma’ artisti oħrajn internazzjonali, u żewwaqna ħolm li kellu dan il-pajjiż biex ikollna spazju sabiex neżibixxu kemm xogħol internazzjonali kif ukoll Malti – kienet sfida kemm biex invaraw dan il-proġett iżda anke biex inżewġu l-ambizzjoni li nattiraw artisti internazzjonali lehjn Malta ma’ dik li nagħtu pjattaforma internazzjonali lill-artisti Maltin. Ninsab kuntent li l-MICAS huwa impenjat li jiċċelebra l-arti Maltija fl-ogħla forma tagħha u jġibha fi stadju internazzjonali usa’,” qal Bonnici.
Id-Direttur Artistiku tal-MICAS Edith Devaney qalet li s-sitt artisti li se jidhru fi L-Ispazju Li Ngħammru Fih kollha stabbilixxew reputazzjonijiet estensivi. 
“Malta ilha tospita xena tal-arti u l-kultura b’saħħitha għal għexieren ta’ snin, bl-iżvilupp modern tagħha jikseb momentum wara l-Indipendenza fl-1964. B’din l-evoluzzjoni lejn il-moderniżmu, l-artisti Maltin ta’ spiss tħarrġu f’ċentri Ewropej, u involvew ruħhom f’temi globali filwaqt li żammew konnessjonijiet mal-wirt kulturali uniku tal-gżira. U għal ħafna, dan wassal għal rikonoxximent u opportunitajiet ferm lil hinn minn Malta.”
Organizzati madwar it-tema tal-ispazju tagħna l-bnedmin – kemm reali kif ukoll immaġinati – kull wieħed mis-sitt artisti fi L-Ispazju Li Ngħammru Fih se jwieġeb b’modi differenti, b’xi wħud jevokaw sens ta’ pajsaġġ filwaqt li oħrajn jieħdu perspettiva aktar kunċettwali dwar l-idea tal-ispazju, u b’estensjoni, ‘il-post’.
Il-wirja se ssir fit-tliet sulari ewlenin tal-mużew, bix-xogħlijiet joħolqu diskors viżiv li jesplora l-kunċett u r-realtà tal-ispazju li kull wieħed minna jipperċepixxi u jgħix fih.
“Hija dejjem okkażżjoni ta’ ċelebrazzjoni hawnhekk fil-MICAS meta artisti Maltin ta’ eċċellenza huma ċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna,” qalet iċ-chairperson eżekuttiv tal-MICAS Phyllis Muscat. “L-artisti kollha se jkunu rrappreżentati minn bosta xogħlijiet, li ħafna minnhom ġew prodotti u adattati speċifikament għal din il-wirja. Ninsabu onorati li dawn l-artisti kontemporanji ewlenin laqgħu din l-isfida, u nħeġġu lill-pubbliku Malti jgawdi dan l-ispazju nazzjonali, sabiex ikunu jistgħu jagġtu xiehda għall-aqwa arti kontemporanja Maltija li MICAS għandha x’toffri.” 

Dwar l-artisti

Caesar Attard

Caesar Attard (t. 1946) studja fl-Iskola tal-Arti ta’ Malta (1966-1973) u baqa’ attiv b’mod konsistenti fix-xena tal-arti lokali. Hu pparteċipa f’wirjiet f’Malta u barra minn Malta kif ukoll bħala membru tal-gruppi tal-arti lokali Spectrum ‘67, Vision ‘74, u Atelier ‘56. Attard kien għalliem tal-Arti mill-1970 sal-1995 u lettur fil-Prattika tal-Arti Viżiva u l-Istorja tal-Arti fid-Dipartiment tal-Arti fil-Junior College tal-Università ta’ Malta mill-1995 sal-2011.
Caesar Attard (photo: Stephen Scerri)
Minbarra l-pittura, Attard ilu jesperimenta mis-snin sebgħin f’forom ta’ arti mhux tradizzjonali bħall-arti parteċipattiva u installazzjonijiet.
Minbarra li wera f’numru ta’ wirjiet kollettivi f’Malta u fl-Ewropa, Attard kellu numru ta’ wirjiet personali: Drawings, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Belt Valletta, fl-1980; Fear and Risk, Istitut Kattoliku, il-Furjana, 1987; Life and Passion fl-1992 u Paintings and Drawings fl-1994, it-tnejn fil-Gallerija l-Ġdida, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta; il-wirja “”, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Belt Valletta fl-2007; Caesar Attard: A Retrospective Exhibition fil-Kwartieri Ġenerali tal-Bank of Valletta, Santa Venera, 2007; H-ardcore, installazzjoni multimedjali u wirja fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, Ċentru għall-Kreattività, il-Belt Valletta, 2013, u din is-sena fil-Valletta Contemporary.

Vince Briffa

Vince Briffa huwa artist, kuratur u riċerkatur multimedjali. Studja t-tpinġija u l-pittura kif ukoll l-arti tal-midja. Il-kunċetti tiegħu huma bbażati fuq oqsma artistiċi u estetiċi kontemporanji, u jintegraw approċċi u tħassib mill-oqsma tal-arti, is-soċjoloġija, ir-reklamar, l-istudji tal-films, il-letteratura u l-filosofija. 
Vince Briffa
Matul dawn l-aħħar erbgħin sena, ix-xogħol ta’ Briffa ġie esibit f’xi wħud mill-aktar mużewijiet u galleriji prestiġjużi fid-dinja inkluż il-Padiljun ta’ Malta, il-Biennale tal-Arti ta’ Venezja fl-1999 u fl-2019; il-Mużew Pierides, Ċipru; il-Palais des Nations, l-Iżvizzera; il-Mużew tal-Arti Moderna, il-Liechtenstein; il-Mużew ta’ Casoria, Napli; Villa Manin Contemporary Art, l-Italja; MAC, l-Arġentina; Palais Liechtenstein, l-Awstrija; Il-Mużew tal-Belle Arti, ir-Rumanija u l-Mużew tal-Arti Moderna, Iżrael.

Austin Camilleri

Austin Camilleri (t. 1972) jaħdem simultanjament, u mhux b’mod ġerarkiku, fl-installazzjoni, il-pittura, it-tpinġija, il-vidjo u l-iskultura. Filwaqt li jibbaża ruħu prinċipalment fuq l-istorja tal-arti tal-Punent, il-kultura popolari u t-tradizzjonijiet tal-immaġni tal-poter, huwa jesplora t-tensjoni bejn il-materjal u d-diġitali, il-personali u l-pubbliku, bil-kreazzjoni ta’ saffi ta’ tekniki u modalitajiet. 
Austin Camilleri
Camilleri twieled f’familja ta’ artisti. Studja fl-Università ta’ Malta u fl-Accademia Pietro Vannucci f’Perugia, wara li ngħata borża ta’ studju ta’ erba’ snin fl-1991. Huwa l-fundatur ta’ 356, membru fundatur ta’ stART, Fundazzjoni Klula, u huwa lettur mistieden fil-Fakultà tal-Ambjent Mibni, l-Università ta’ Malta. 
Huwa esibixxa b’mod wiesa’, inkluż fil-Biennale ta’ Venezja, il-Biennale ta’ Ostrale fi Dresden, il-Biennale tal-Mediterran f’Tuneż, il-Biennale ta’ ArtRaker fil-Belt Valletta, il-Biennale għall-Artisti Żgħażagħ f’Ruma u fl-Arti Knows No Frontiers fi Trier.

Joyce Camilleri

Joyce Camilleri (t. 1980) hija artista bbażata f’Malta u membru tad-Dipartiment tal-Arti Viżiva fi ħdan il-Fakultà għall-Ambjent Mibni fl-Università ta’ Malta, kif ukoll il-fundatur ta’ Jo Borg Gallery, forum li jappoġġja artisti emerġenti, kif ukoll dawk f’nofs il-karriera u dawk stabbiliti.
Joyce Camilleri
Il-prattika ta’ Camilleri għandha għeruq fondi fit-tpinġija u l-istampar, li jinfurmaw il-pittura tagħha, u segwiet taħriġ estensiv fil-pedagoġija, it-teorija u l-prattika tal-arti f’Malta u barra minnha. Hija għandha M. Ed. Artist Teacher mill- University of West Scotland (2017), Diploma fl-Istampar tal-Belle Arti mill-Iskola tal-Arti ta’ Malta (2008), u B. Ed. (Hons) fl-Arti mill-Università ta’ Malta (2002).
Matul is-snin Camilleri esibixxiet f’wirjiet personali u kollettivi lokali, wirjiet akkademiċi internazzjonali u wirjiet tal-arti grafika madwar l-Ewropa, inkluż l-10 u l-11-il Triennale Internazzjonali tal-Arti Grafika (2021/4, Bitola), u l-ewwel f’sensiela ta’ residenzi artistiċi ospitati mill-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Komunità ta’ Malta (MUZA) fl-2021.

Anton Grech

Anton Grech (t. 1965) studja fl-Iskola tal-Arti ta’ Malta, fl-Accademia di Belle Arti di Firenze, l-Italja u fil-Kunstakademie Düsseldorf, il-Ġermanja. Grech kien membru tal-istaff akkademiku artistiku fil-Kunstakademie u kkollabora ma’ diversi artisti Ġermaniżi ewlenin. Grech ilu jgħallem fl-Iskola tal-Arti ta’ Malta u fl-Università ta’ Malta, fejn huwa wkoll Kap tad-Dipartiment tal-Arti Viżiva fil-Fakultà tal-Ambjent Mibni. Grech huwa membru fundatur tal-gruppi tal-artisti stART u WARTI.
Anton Grech
Grech esibixxa f’Malta u internazzjonalment. Il-wirjiet personali jinkludu: Argos, skultura pubblika għax-Xatt tal-Kottonera (2008); Anton Grech, Drawings, Mużew Nazzjonali tal-Belle Arti, il-Belt Valletta (2005-2006); Anton Grech, Konrad Adenauer-Stiftung, Berlin, il-Ġermanja; Anton Grech, Pittura, il-Palazz ta’ Vilhena, l-Imdina (2001) u Anton Grech, Malerei, Ballhaus, Düsseldorf (1999).
Grech irrappreżenta lil Malta fi Dialogue with Emperor Qin’s Warriors f’wirja ta’ skultura internazzjonali b’kollaborazzjoni ma’ Qu Art Brussels u Inspiring Culture, fi Brussell b’wirjiet fix-Xian, fil-Mużew Nazzjonali, fiċ-Ċina (2011/12) u f’diversi postijiet sussegwenti fiċ-Ċina u fl-Ewropa.
Grech ħa ħsieb esibizzjonijiet ta’ artisti Maltin emerġenti fosthom Defying Complacency, esibizzjoni fotografika, Malta Design Week (2014); I draw, Bank of Valletta (2012); OUTOFPRINT, il-Berġa tal-Italja, il-Belt Valletta (2007).

Pierre Portelli

Pierre Portelli (t. 1961) jaħdem prinċipalment fl-installazzjoni, l-iskultura, il-vidjo u l-arti tal-midja mħallta. Ix-xogħol tiegħu jinvestiga l-proċessi tal-bidla, l-interazzjonijiet tad-dinjiet soċjali permezz tal-iskultura, ix-xogħol speċifiku għas-sit, il-lingwa, u xi drabi dawk s-sottotoni b’laqta ċajtiera u mqarba. Studja fl-Iskola tal-Arti u d-Disinn ta’ Swindon fir-Renju Unit u huwa membru fundatur ta’ stART, grupp Malti tal-arti kontemporanja, u kollaboratur ta’ The Little Constellations, network għall-arti kontemporanja. Fl-2003 ikkollabora ma’ Love Difference u Michelangelo Pistoletto fil-50 Biennale ta’ Venezja. Huwa lettur mistieden fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta u bħalissa huwa l-President tal-Kunsill tal-Iskola Maltija tal-Arti.
Pierre Portelli
Pierre Portelli esibixxa f’istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali bħall-Biennale ta’ Ostrale, Dresden; il-Bozar u l-Kummissjoni Ewropea, Brussell, il-Belġju; Il-Mużew Marittimu ta’ Malta u l-Mużew Nazzjonali tal-Arti f’Malta, fost ħafna postijiet oħra.
Pierre Portelli oriġina proġetti transdixxiplinarji bbażati fuq ir-riċerka ma’ kompożituri u artisti tal-mużika, koreografi, atturi, awturi u huwa kollaboratur frekwenti fil-produzzjonijiet teatrali. Huwa l-kokuratur u koriċerkatur tal-proġett REL•INK Indelible Narratives li beda fl-2016, li jirriċerka u jesplora l-istorja u n-narrattivi tat-tatwaġġi ta’ Malta u r-rabtiet ma’ bliet portwarji Mediterranji oħra.
Skip to content