L-Ispazju li Ngħammru Fih tlaqqa’ x-xogħlijiet magħżula ta’ sitt artisti dwar it-tema tal-‘ispazju’, li kollha jindirizzawha b’mod differenti, kemm fil-mod kif jipperċepixxuha, kif ukoll kif jesplorawha.
Caesar Attard, Vince Briffa, Austin Camilleri, Joyce Camilleri, Anton Grech u Pierre Portelli kollha addattaw u żviluppaw xogħlijiet artistiċi bħal pittura formali, skultura, vidjo, u installazzjoni għal din il-wirja.
Minkejja li l-eżaminazzjoni tal-pajsaġġ tradizzjonali kienet punt tat-tluq bikri fl-iżvilupp tal-fokus tal-wirja, il-premessa finali ta’ din il-wirja tilħaq livelli li jmorru lil hinn mill-konfini ta’ dan il-ġeneru. Il-kunċett li l-karatteristiċi formali tal-pajsaġġ jiftħu “tieqa fuq id-dinja” beda jissaħħaħ fis-seklu 17 fin-Netherlands. Wara, matul is-seklu 18 u 19, artisti bħal J.M.W. Turner fl-Ingilterra, Kaspar David Friderich fil-Ġermanja, u Thomas Cole, il-fundatur tal-Iskola tax-Xmara Hudson, kollha żviluppaw il-ġeneru fi ħdan il-moviment Romantiku f’relazzjoni ħafna aktar personali u ċerebrali mad-dinja naturali, li torbot ma’ elementi li jmorru lil hinn minn dak li tara l-għajn u jqajmu sentimenti ta’ sublimità. Din it-tendenza baqgħet għaddejja sal-ewwel pitturi plein-art ta’ Franza fis-seklu 20, u tidher partikolarment fil-pajsaġġi atmosferiċi u mdawla ta’ Jean-Baptiste-Camille Corot.
Dawn is-sitt artisti kollha marru lil hinn minn dawn il-kunsiderazzjonijiet bikrin dwar l-ispazju li ngħammru fih, u indirizzawh b’mod kunċettwali, mingħajr konfini fiżiċi jew immaġinarji, u fuq kollox, mingħajr il-limitazzjoni li joħolqu mill-ġdid id-dinja fiżika b’mod konxjentuż.
L-ispazju – il-ħolqien, l-esplorazzjoni, il-manipulazzjoni, il-liminalità tiegħu – kollha jibqgħu ansjetajiet ewlenin għall-artisti kontemporanji. F’din il-wirja, kull artist magħżul wassal il-perċezzjonijiet u s-sensibbiltajiet personali tiegħu dwar din it-tema wiesgħa, bir-rabtiet sottili bejn l-approċċi differenti tagħhom iwasslu interrogazzjoni rikka tas-suġġett li tinteraġġixxi mal-ispazji uniċi li l-gallariji tal-MICAS jipprovdu.