Skopri, Tgħallem, u Ilgħab: Weekend bil-Bibien Miftuħa fil-Mużew
Fid-29 u t-30 ta’ Marzu, il-MICAS se jtella’ Weekend bil-Bibien Miftuħa spirituż, li fih se jlaqqa’ l-arti, l-istorja, in-natura, u l-logħob f’ċelebrazzjoni mimlija divertiment għal kull età. Dan il-weekend huwa eżempju tal-impenn tal-mużew biex jinvolvi lill-komunità permezz ta’ attivitajiet kreattivi u edukattivi, li kollha se jseħħu fil-kampus storiku u l-ispazji miftuħa u mberrħin tiegħu.
Esplora l-Pajsaġġ Storiku
Ibda ż-żjara tiegħek b’tour tal-arkitettura storika tal-kampus tal-mużew, il-pajsaġġ storiku mimli stejjer u uniku tal-Ospizio l-Antik. Tours iggwidati se jikxfu l-istorja affaxxinanti li teżisti wara l-arkitettura militari tas-sit kif ukoll ix-xogħol riċenti kontemporanju li sar fuqu, u b’hekk se joffru għarfien dwar kif l-arti, il-kultura, u l-patrimonju jsawru l-inħawi tagħna.
Attivitajiet Kreattivi u Edukattivi għal Kulħadd
Il-Weekend bil-Bibien Miftuħa jitfa’ dawl fuq il-programmi edukattivi tal-mużew, b’attivitajiet imfasslin għal tfal f’faxxi ta’ età differenti:
- Mixjiet interattivi fil-galleriji se jintroduċu lit-tfal għax-xogħlijiet artistiċi kuraġġużi u mlewna ta’ Joana Vasconcelos, bħal Valkyrie Mumbet, Loft, Garden of Eden, u Tree of Life. Permezz ta’ osservazzjoni, rakkuntar ta’ stejjer, u esplorazzjoni sensorjali, il-viżitaturi ċkejknin se jiġu xprunati biex jimmaġinaw u jimpenjaw ruħhom fl-arti b’modi ġodda.
Wara l-mixjiet se jkun hemm workshops li jistiednu lit-tfal joħolqu l-kreaturi maġiċi tagħhom jew is-Siġra tal-Ħajja skonthom permezz ta’ materjali sempliċi u mlewna ispirati mit-tekniċi uniċi ta’ Vasconcelos.
Dawk ftit akbar se jidħlu aktar fit-temi u t-tekniċi li jinsabu fix-xogħlijiet artistiċi ta’ Joana Vasconcelos. Wara mixja fil-gallerija li fiha se jesploraw l-użu tal-materjali u r-rakkuntar tal-istejjer, il-parteċipanti se joħolqu l-iskulturi tagħhom ispirati mill-arti ta’ Vasconcelos. Matul il-mixja se jżuru wkoll il-wirja Figure in Rods ta’ Ray Pitrè, esperjenza viżiva dinamika li fiha l-iskultura titbandal bejn il-materjalità u l-eterealità.
Dawn l-attivitajiet se jixprunawhom biex jaħsbu b’mod kritiku dwar kif l-arti tbiddel oġġetti ta’ kuljum u simboli kulturali f’espressjonijiet sinifikanti.
Divertiment Ispirat min-Natura
Il-ġnien naturali u l-mixtla tal-mużew joffru diversi attivitajiet prattiċi bit-tema tan-natura għat-tfal:
- Fittex il-pjanti indiġeni biex tiskopri l-ġmiel tal-flora lokali.
- Kun kreattiv permezz tat-tpenġija tal-weraq jew tgħallem dwar is-sostenibbiltà billi tiżra’ ż-żrieragħ.
Dawn l-attivitajiet jgħaqqdu l-arti u l-ekoloġija, u joħolqu pont għall-parteċipanti żgħar bejnhom u n-natura flimkien mal-inizjattivi ekoloġiċi tal-mużew.
Weekend għal Kulħadd
Il-Weekend bil-Bibien Miftuħa huwa mfassal biex jispira lill-viżitaturi ta’ kull età. It-tfal jistgħu jilagħbu u jimmaġinaw, l-adolexxenti jistgħu jesploraw il-potenzjal kreattiv tagħhom, u l-familji jistgħu jaqsmu mumenti sinifikanti flimkien, billi jitgħallmu fuq l-arti, l-istorja, jew l-ambjent.
Ingħaqad magħna fid-29 u t-30 ta’ Marzu 2025 għal din iċ-ċelebrazzjoni dinamika ta’ arti, arkitettura, storja, u natura. Id-dħul huwa b’xejn, l-iskeda hija mimlija attivitajiet, u għalhekk żgur hemm xi ħaġa li minnha jista’ jgawdi kulħadd!