Skopri x-xogħlijiet tal-artist Brittaniku Conrad Shawcross fl-Open Weekend tal-MICAS
Il-viżitaturi tal-Open Weekend tal-MICAS matul is-Sibt u l-Ħadd, is-7 u t-8 ta’ Diċembru, se jkunu jistgħu jgawdu żjara kemm fuq barra kif ukoll ġewwa l-kumpless MICAS biex jaraw ix-xogħlijiet tal-artista kontemporanju Brittaniku Conrad Shawcross.
Se jkun hemm tlett żjarat iggwidati fuq iż-żewġ ġranet, fil-11am, fis-1pm, u fit-3pm, dwar l-arti ta’ Shawcross madwar il-kumpless tal-MICAS.
Fl-2023, tliet xogħolijiet distinti ta’ Conrad Shawcross immarkaw il-wirja MICAS What Is To Become Is Already Here, li serviet ta’ preludju għall-ftuħ tal-Malta International Contemporary Arts Space.
Bħala wieħed mill-ewwel artisti li żar Malta bħala mistieden tal-MICAS, Shawcross sab ispirazzjoni fl-istorja u l-ġeografija tal-gżira, u l-ispazju nnifsu tal-MICAS bil-veduti għoljin tiegħu u l-ambjent marittimu biswitu.
The Dappled Light of the Sun (Formation I)
[Id-Dawl Imdelli tax-Xemx (Formazzjoni I)] illum tifforma part mill-kollezzjoni permanenti tal-MICAS. Waħda mill-opri pjuttost maturi fil-karriera ta’ Shawcross, din l-iskultura hija struttura kbira bħal sħaba fl-arja, mtella’ permezz ta’ eluf ta’ tetraedroni bboltjati mwieżna minn sett ta’ tliet tripods. B’tul ta’ kważi ħames metri, l-iskala monumentali tagħha tippermetti lill-iskultura tkun immersiva, u tinkoraġġixxi lil dawk li qed iżuruha biex jimxu taħtha u madwarha, waqt li jesperjenzaw id-disinni dejjem jinbidlu permezz tad-dawl imdelli li għaddej mill-kanupew kumpless u ġeometriku. Ix-xogħol jinkarna l-faxxinu profond tal-artist lejn it-teorija matematika, kif ukoll l-involviment tiegħu fid-dinja naturali.
Waqt li tieħu forma li tfakkrek f’siġra kbira li toffri sbuħija u dell, il-friegħi u l-weraq sostitwiti minn serje kkumplikati u kumplessi ta’ rimjiet mifruqa li jinżlu ’l isfel fl-iskala waqt li jikbru u jixxebilku ’l fuq. Kollox ma’ kollox, ix-xogħol huwa magħmul minn aktar minn 6,000 trianglu wweldjati, li b’hekk jiffurmaw madwar 1,600 tetraedron. It-tetraedroni nfushom huma organizzati f’ħames ġenerazzjonijiet ta’ daqsijiet, li bħal pjanta, jinżlu ’l isfel fl-iskala waqt li jestendu lejn is-sema.
MICAS Beacons
MICAS Beacons, 2023 [Is-Sinjali tal-MICAS, 2023] huma trittiku mqiegħed fuq l-opramorti storiċi antiki tal-fortifikazzjoni tal-La Vittoria. Għandhom tul ta’ seba’ metri u nofs, kull arblu jappoġġja par ta’ diski semaforiċi jduru kontra xulxin, kull waħda b’dijametru ta’ madwar erba’ metri.
Dawn l-istrutturi monumentali u strutturalment kumplessi, iffabbrikati bl-istainless steel u l-azzar iggalvanizzat, għall-ewwel jidhru qishom tagħmir militari jew xi sistema bikrija ta’ twissija, imma fl-istess ħin jesprimu l-ispirtu ferrieħi ta’ ġugarell tat-tfal.
Il-faxxinu tal-artist lejn il-moviment u l-inġinerija joħroġ permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet ambizzjużi; sistema mekkanika integrali tħaddem ir-rotazzjoni tad-diski ottiċi semaforiċi. Bħal tieqa bid-disinn, id-diski huma attivati mid-dawl tax-xemx u s-sema, li jiġi ffiltrat permezz ta’ disinn ta’ mijiet ta’ eluf ta’ toqob mhux ripetuti. Il-kuluri allegri u jgħajtu jużaw bnadar marittimi li jiżvelaw messaġġ permezz ta’ kodiċi semaforiċi, li se jidhru madwar il-bajja u fuq il-baħar lil hinn. Simili għal sistemi ta’ twissija tal-kosta, it-tliet diski jlissnu l-kelma NOW [ISSA] – preludju għal dak li fil-fatt huwa l-ftuħ tal-galleriji tal-MICAS.
Opri oħra fil-MICAS
Ix-xogħolijiet l-oħra ta’ Shawcross huma Slow Arc within a Cube (I, VI, VII, XI, XIII, XIV), Patterns of Absence, Limit of Everything and Paradigm Vex (Slender), u jinsabu fl-Ospizio antik taħt il-ħitan tal-fortifikazzjoni tal-La Vittoria, fejn dawn il-kmamar se jintużaw bħala spazji ‘artist-in-residency’ għall-fażi li jmiss fl-iżvilupp tal-MICAS.
Ġurnata għal kulħadd
L-Open Weekend tal-MICAS joffri opportunità sabiex kulħadd jista’ jfittex l-ispirazzjoni fl-arti. Iż-żgħar jistgħu jilgħabu, jimmaġinaw, filwaqt li dawk ftit ikbar jistgħu jewsploraw il-potenzjal kreattiva tagħhom, u l-familji jkunu jistgħu jaqsmu ftit mumenti flimkin, fil-kumpannija tl-arti, storja u l-ambjent.
Kunu magħna nhar is-7 u 8 ta’ Diċembru għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-arti, arkitettura, storja u natura. Dħul b’xejn bi skeda mimlija b’attivitajit għal kulħadd!
Data: 7 & 8 Diċembru 2024
Ħin: 10:00 till 17:00