Aaron Bezzina

Aaron Bezzina ġie eżebit għall-ewwel darba bħala artist fl-2012 f’Malta, wara li sottomissjoni tiegħu għal sejħa miftuħa ntlaqgħet. Minn dakinhar ’il hawn baqa’ jeżebixxi xogħlu f’Malta u lil hinn konsistentament. Id-debutt tiegħu internazzjonali għamlu fl-2015, waqt li kien qed jistudja għal MFA fl-Arti Diġitali mal-Università ta’ Malta, meta minn 330 applikant Ewropew intgħażel għal residenza prestiġjuża organizzata mill-Bank Ewropew għall-Investiment fil-Lussemburgu. Hemmhekk kien taħt il-moniteraġġ ta’ Darren Almond, artist li kien nominat għall-Premju Turner. Din ir-residenza wasslet lil Aaron biex jidħol f’kuntatt dirett max-xena artistika internazzjonali. Barra minn hekk, il-Bank Ewropew għall-Investiment xtara x-xogħol li ħoloq matul ir-residenza u bħalissa jinsab fil-kollezzjoni permanenti tagħhom.

Aaron għandu wkoll konnessjoni max-xena artistika fl-Italja, grazzi għal internship bħala arkivist mal-gallerija Nuova Icona fl-2016, li wasslu biex jistabbilixxi għeruq f’Venezja permezz ta’ kuntatti mal-artisti, kuraturi u galleriji tal-istess belt. B’koinċidenza, fiż-żmien li qatta’ f’Nuova Icona, ħa sehem fil-Biennali ta’ Venezja tal-Arkitettura permezz tal-iskulturi tiegħu li kienu parti minn A Cabinet of Curiosities ta’ Architecture Project f’Palazzo Mora. Is-sena ta’ wara, kien ukoll wieħed mill-artisti magħżula għall-Paviljun Malti fil-Biennali ta’ Venezja, bil-wirja Homo Melitensis: An Incomplete Inventory in 19 Chapters ikkurata minn Raphael Vella u Bettina Hutschek. Grazzi għal din l-espożizzjoni li ħa, xogħlu ġie mfittex minn uffiċjali ta’ Imago Mundi, wirja organizzata mill-Kollezzjoni Luciano Benetton fi Treviso. Dan wassal ukoll għal proġett ta’ sitt xhur fi Treviso u Quero-Vas, fl-Italja, fejn Aaron intgħażel għal RigenerArte organizzata minn UNIC&F u l-Kollezzjoni Luciano Benetton.

Barra minn hekk, Aaron intgħażel għal residenzi fil-Litwanja u Ateni minn organizzaturi lokali. Dawn l-esperjenzi ssarfu f’wirjiet fil-pajjiżi rispettivi li servew bħala vetrina għax-xogħol ta’ Aaron. Żvilupp riċenti fil-karriera internazzjonali ta’ Aaron huwa r-residenza artistika virtwali UN/MUTE fi New York, minkejja r-restrizzjonijiet soċjali li ġabet magħha l-COVID-19. Huwa ntgħażel mill-Kunsill Malti għall-Arti bħala l-artist rappreżentant ta’ Malta. Dan il-proġett jinvolvi l-akkoppjament ta’ għaxar artisti mill-Ewropa ma’ għaxar artisti minn New York biex jaħdmu fuq proġett ta’ bejn tlieta u erba’ xhur. Ir-residenza wasslet biex ġiet eżebita installazzjoni ta’ dan il-proġett fil-Forum Kulturali Awstrijak ta’ New York f’Manhattan.

Ritratt ħajr Aaron Bezzina

Share

Skip to content