Tliet settijiet distinti ta’ xogħol tal-artist Brittaniku kontemporanju magħruf Conrad Shawcross, flimkien ma’ lekċer ewlenija minn Timothy Rub, id-Direttur Amerikan tal-Mużewijiet rinomat, se jippreżentaw il-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS
Il-ħames Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS se jittella’ fis-27, it-28 u d-29 ta’ Ottubru 2023. Matulu l-artist Brittaniku magħruf Conrad Shawcross se jikxef What is to become is already here, wirja ta’ tliet settijiet ta’ xogħol li tħabbar il-ftuħ immimenti tal-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS).
Il-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS se jinkludi wkoll lil Timothy Rub, persuna rinomata, id-Direttur Emeritu George D. Widener tal-Philadelphia Museum of Art, permezz tal-lekċer ewlenija tiegħu Preserving the Past/Programming for the Future. Il-lekċer tad-Direttur tal-Mużewijiet Amerikan se tkun segwita minn diskussjoni mill-panel magħmul minn Conrad Shawcross, Waqas Wajahat, u Dr Georgina Portelli. Id-diskussjoni se tkun immoderata mid-Direttriċi Artistika ta’ MICAS Edith Devaney, u se tkun dwar il-ħtieġa li l-mużewijiet u l-istituzzjonijiet tal-arti mingħajr skop ta’ qligħ iħarsu ’l quddiem kif ukoll lura biex jirriflettu l-aspettattivi dejjem jevolvu tal-komunitajiet li huma jservu.
What is to become is already here, it-titlu tal-wirja ta’ Shawcross, se sservi bħala preludju propizju tal-ftuħ imminenti tal-MICAS. Shawcross, wieħed mill-ewwel artisti mistiedna ta’ MICAS li żar Malta, sab ispirazzjoni fl-istorja u l-ġeografija ta’ Malta, kif ukoll mill-ispazju ta’ MICAS, il-veduti li jippermetti mis-sulari għolja tiegħu u l-qrubija tiegħu lejn il-baħar.
Għall-ewwel darba għall-MICAS, ix-xogħol ta’ Shawcross se jiġi installat fuq is-sit tal-MICAS fil-Furjana, li bħalissa jinsab fl-aħħar stadji ta’ kostruzzjoni qabel il-ftuħ tiegħu fl-2024. What is to become is already here tissuġġerixxi sens ta’ tħabbir minn qabel, u l-materjalizzazzjoni ta’ forzi mhux magħrufa meħlusa hawnhekk fil-MICAS, jew min-naħa l-oħra forsi wkoll eżitu pridestinat fi ħdan l-ħajja storika ta’ dawn il-fortifikazzjonijiet.
Il-MICAS kiseb The Dappled Light of the Sun (Formation I) ta’ Shawcross bħala parti mill-kollezzjoni permanenti tiegħu. Dan ix-xogħol huwa wieħed mill-aktar sinifikanti fost dawk maturi tiegħu, il-kompożizzjoni hija magħmula minn struttura kbira bħal sħaba fl-arja ta’ 6,000 trianglu li jiffurmaw madwar 1,600 tetraedron. Dan ix-xogħol jaħkem il-faxxinu tal-artist mal-moviment perpetwu tad-dinja naturali. L-istruttura magħmula minn azzar mikul iwweldjat, li tinkoraġġixxi lill-viżitaturi jimxu taħtha – daqslikieku kienet siġra kbira toffri sbuħija u dell – biex jesperjenzaw id-disinji dejjem jinbidlu maħluqa mid-dawl imdellel għaddej mill-kanupew ġeometriku kumpless.
Dan ix-xogħol jinkarna wkoll il-faxxinu profond tal-artist mat-teorija matematika, kif ukoll mal-involviment tiegħu mad-dinja naturali. “Il-Griegi kkunsidraw it-tetraedroni bħala rappreżentazzjoni tal-veru essenza tal-materja” kien qal Shawcross dwaru lura fl-2015. Huwa kompla li, “F’dan ix-xogħol enormi, ħadt din il-forma bħala l-‘blokka’ tiegħi, li tkabbar dawn il-forom kaotiċi li jidħlu f’xulxin u li se jgħumu fuq ras il-viżitaturi.”
Ix-xogħol l-ieħor ta’ Shawcross huwa MICAS Beacons, 2023, xogħol ġdid ambizzjuż speċifiku għas-sit, trittiku mqiegħed fuq l-opramorti storiċi antiki tal-fortifikazzjoni tal-La Vittoria.
Għandhom tul ta’ seba’ metri u nofs, kull arblu tal-istainless steel u l-azzar iggalvanizzat jappoġġja par ta’ diski semaforiċi jduru kontra xulxin. Imma dak li jidher speċi ta’ installazzjoni militari, minflok se jikxef xogħol li jirrifletti l-faxxinu ta’ Shawcross lejn il-moviment u l-inġinerija.
Sistema mekkanika integrali se tħaddem dawn id-diski semaforiċi ottiċi, u bħal tieqa bid-disinn, id-diski huma attivati mid-dawl tax-xemx u s-sema. Waqt li d-dawl jiġi ffiltrat permezz ta’ disinn ta’ mijiet ta’ eluf ta’ toqob mhux ripetuti, Shawcross se juża l-ilwien tal-kodiċi semaforiċi tal-bnadar marittimi biex jispellu l-kelma ‘NOW’. Is-sistema tuża l-personalità ta’ ġugarell tat-tfal, u dak li jidher bħala sistema ta’ twissija navali jinbidel f’sinjal għax-xogħlijiet taħt kostruzzjoni li qed iħabbar l-ftuħ imminenti tal-galleriji ta’ MICAS fil-ħarifa.
Ix-xogħlijiet l-oħra ta’ Shawcross huma Slow Arc within a Cube (I, VI, VII, XI, XIII, XIV), Patterns of Absence, Limit of Everything and Paradigm Vex (Slender), kollha murija fis-serje ta’ kmamar b’soqfa bil-ħnejjiet nofs tond fil-bażi tas-swar tal-fortifikazzjoni, li ġew disinjati bħala spazji għal residenzi artistiċi fil-fażi li jmiss tal-iżvilupp tas-sit ta’ MICAS. Dawn ix-xogħlijiet huma installati f’ordni kronoloġika bil-maqlub, u huma l-akbar wirja ta’ xogħlijiet relatati ma’ dawl minn Shawcross sa issa, u jikxfu l-approċċ esperimentali li l-artist jieħu biex jesplora kunċetti bħalma huma ż-żmien, l-ispazju, u l-perċezzjoni umana.
L-Attivitajiet
Is-Sibt, it-28 ta’ Ottubru
Lekċer ewlenija, Preserving the Past/Programming for the Future, mid-Direttur Amerikan tal-Mużewijiet rinomat, Timothy Rub, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta. Din il-lekċer se tkun segwita minn diskussjoni mill-panel magħmul minn Conrad Shawcross, Waqas Wajahat, u Dr Georgina Portelli. Id-diskussjoni se tkun immoderata mid-Direttriċi Artistika ta’ MICAS Edith Devaney, u se tkun dwar il-ħtieġa tal-mużewijiet u l-istituzzjonijiet tal-arti mingħajr skop ta’ qligħ li jħarsu ’l quddiem kif ukoll lura biex jirriflettu l-aspettattivi dejjem jevolvu tal-komunitajiet li huma jservu. ARA L-EVENT
Filgħaxija, il-lekċer u d-diskussjoni Preserving the Past/Programming for the Future se tkun segwita mill-MICAS Annual Fundraiser Art Party ikkurat minn Michele Tufigno, kreattiv ibbażat f’Malta, u se jsir fil-Mużew Marittimu ta’ Malta, il-Birgu, li se jkun mibdul b’mod speċjali għall-okkażjoni. ARA L-EVENT
Il-Ħadd, id-29 ta’ Ottubru
Conrad Shawcross u d-Direttriċi Artistika tal-MICAS Edith Devaney se tmexxi tour dwar What is to become is already here. Din hija l-ewwel darba li se jkun hemm xogħlijiet installati ġos-sit ta’ MICAS u aċċess għal dan il-kumpless se jkun possibbli biss permezz ta’ bbukkjar minn qabel. ARA L-EVENT
Il-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS huwa appoġġjat mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), id-Direttorat tar-Restawr, Visit Malta u Heritage Malta.
Share
Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”. Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”. Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
© Malta International Contemporary Art Space 2023
© Malta International Contemporary Art Space 2024
© Malta International Contemporary Art Space 2024