Is-saffi kumplessi tat-traċċi kulturali u tal-memorja li jiffurmaw l-pajsaġġ tal-Port ta’ Marsamxett, il-bastjun ta’ San Mikiel u l-Ġnien ta’ Hastings huma l-isfond drammatiku għax-xogħol ġdid eċċitanti ta’ Cristina Iglesias, Sea Cave (Entrance).
Sea Cave (Entrance) iġġib fil-wiċċ dak li jista’ jkun qiegħed taħt. Jiżvela ftuħ immaġinarju għal spazju sotteranju li jesplora ġeoloġiji moħbija, interkonnessjonijiet u l-mogħdija li jieħu ż-żmien. Fi ħdan il-pajsaġġ tal-Ġnien ta’ Hastings fil-Belt Valletta, ix-xogħol tal-bassoriljev fil-bronż huwa artikolat b’mod elokwenti fil-lingwaġġ skultoriku distintiv tal-artista. Sea Cave (Entrance) joħloq ambjent skultoriku profond u immersiv, permezz ta’ involviment riflessiv mal-ispazju pubbliku. Ix-xogħol jipponta lejn għatba liminali, id-dħul potenzjali f’għar, bil-forma skultorika tfannad ‘l isfel biex jiġu esposti saffi stratifikati u ġeoloġija immaġinata mħaffra u battala minn ġewwa. L-isporġenzi lixxi ta’ fuq jikkuntrastaw mal-ħruġ dinamiku tas-saffi ta’ taħt li jfakkru fl-għerien max-xtut imsawra u mgħawra mill-kostanza tal-baħar. L-ilma, li jimxi f’sekwenzi kajmana jew aktar mgħaġġla, isir l-element li jgħaqqad tax-xogħol hekk kif jipprova jikkatalizza impenn perċettiv. Sea Cave (Entrance) huwa stedina miftuħa għal esperjenza kontemplattiva immersiva.
“Ix-xogħol jissuġġerixxi spazju taħt l-art relatat mas-saffi u l-ġeoloġija tal-post. Jibni d-dħul għal għar possibbli tal-bronż li jgħaqqad ma’ oħrajn li jistgħu jeżistu fil-gżira blatija ta’ Malta.
Se jkun hemm fluss tal-ilma b’ritmi differenti li joħloq sekwenza li taħdem mal-ħin u ż-żmien, u li toħloq konnessjoni mentalment mal-baħar.”
Cristina Iglesias
Post: Il-Ġonna ta’ Hastings, Triq l-Inġiniera, Valletta, Malta.
Ħinijiet tal-wiri: Mit-Tnejn sal-Ħadd, 7.00–19.00
Bħala akkwist nazzjonali eċċitanti ġdid li se jibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku biex iżuru u jgawdih bħalissa fil-Ġnien ta’ Ħastings, Sea Cave (Entrance) eventwalment se tiġi rilokata lejn il-Ġnien tal-Iskultura tal-MICAS fuq il-Kontrogwardja ta’ San Salvatore li tagħti fuq il-Port ta’ Marsamxett.
Għal kull mistoqsija, jekk jogħġbok ċempel fuq 21242183 jew ibgħat email lil events@micas.art
‘Sea Cave (Entrance)’ inkixfet waqt il-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS 2021 u qed tiġi appoġġata mill-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, l-Ambaxxata tar-Renju ta’ Spanja, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Heritage Malta, Air Malta u l- Marian Goodman Gallery.