Fl-2024, Reggie Burrows Hodges niżel Malta biex jara quddiem għajnejh l-aħħar mużew f’Malta għadu qed jinbena – il-MICAS.
Edith Devaney, id-Direttriċi Artistika tal-MICAS, kienet ilha tammira x-xogħol tal-artist minn California, imwieled Compton, minn qabel ġie kkuntattjat mill-president tal-kumitat internazzjonali, il-gallarista u kollezzjonist Waqas Wajahat, biex ikun parti mill-programm artistiku għat-tnedija tal-mużew.
“Indunajt li kienet kwistjoni ta’ fiduċja. Il-binja kienet għadha lanqas tlestiet. Ma konniex nafu kif ġej il-mużew eżattament, u li Reggie qalilna, “‘Nagħmilha,’ għalina kienet xi ħaġa kbira,” stqarret Devaney mal-udjenza tal-Art Talk imtellgħa mill-MICAS fid-9 ta’ Mejju, il-jum li fih Reggie Burrows Hodges: Mela, l-ewwel wirja tiegħu individwali fl-Ewropa, infetħet għall-pubbliku.
L-aktar ħaġa straordinarja kienet li ftit ġimgħat qabel infetaħ il-MICAS, Hodges tarraf lil Devaney li ġej jgħix Malta biex jaħdem minn hemm. “Ċempiltli u għidtli forsi se taħsibni miġnun imma ddeċidejt… Stagħġibt u fraħt. Aħna dejjem ninkoraġġixxu lill-artisti biex iżuruna, għax għalina importanti ħafna li l-artisti jesperjenzaw il-kultura u l-istorja Maltija. Imma minnhom nistennew li jqattgħu ftit jiem hawn biss, forsi l-aktar ġimgħa.”
Hodges ikkommetta ruħu għal sena, qala’ għeruqu u għaddashom f’kultura differenti għalkollox biex jassorbi l-istorja tal-pajjiż, kif ukoll l-istorja artistika, il-klima soċjali u dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ li hu Malti.
U kien fl-ewwel jiem tiegħu f’Malta li Hodges żar il-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta biex jammira Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista ta’ Caravaggio, l-akbar xogħol tiegħu u l-uniku wieħed iffirmat minnu. Kien hemm, bil-MICAS għadu mhux lest, li Hodges beda jivviżwalizza kif l-element antik li jinħass fil-gallariji kollha tal-MICAS minn sular għal ieħor, jista’ jagħti dar lil Mamajamma (2025) fejn illum tinsab imdendla.
“X’naqbad ngħid, kif stajt nirkupra minn xi ħaġa bħal dik?” stqarr Hodges dwar l-ewwel inkontru tiegħu ma’ Qtugħ ir-Ras. “U dik kienet il-verità. Ma stajtx nemmen. Bħala artist toħlom u kważi tiffantasizza u tittrasporta ruħek mad-dinja kollha mentalment.
“Kont student tal-ġganti u t-titani kollha li l-arti qatt ipproduċiet, allura biex niġi hawn u nara lil Caravaggio – anki kieku ma kontx artist, m’hemmx bżonn tkun pittur… – imma bħala pittur, ma tistax tiddeskriviha. Kienet intimidanti, tal-biża’ anki biex imqar naħseb dwarha.”
Hodges jgħid li kien ċar għalih li l-qofol kreattiv f’moħħu kellu jiġi risolvut. “Kwalunkwe mod li bdiet tidher quddiem għajnejja, Mamajamma kellha tkun ippreżentata hemm.”
U dak fih innifsu kien sfida li l-MICAS daħal għaliha b’ruħu u ġismu, kif jiċċara Hodges. “Inħossni se nibqa’ dejjem midjun dwar din: meta tibda titkellem fuq pitturi ta’ dik l-iskala, u li se ddendilhom fi mkien, u se tħallihom jinżlu fix-xiex… biex dan iseħħ, jeħtieġ l-isforz ta’ ħafna. U ħadd ma qagħad lura.”
Il-ħidma fuq skala bħal dik fuq tila waħda tista’ tkun tant diffiċli li ssir impossibli – imma bi skala ta’ erba’ metri bi tmienja, Hodges jidher li fehem għalkollox il-volum tal-ispazju fil-mużew, “mhux kbira żżejjed, mhux żgħira żżejjed, perfetta” tgħid Devany dwar il-preżenza tagħha, li skontha qatt ma taħkmek iżżejjed. Hodges jikkjarifika dwar il-proċess duwali mat-tim tal-wirjiet tal-MICAS immexxi minn Guillaume Dreyfuss. “Ma setgħetx tidher daqslikieku maduma jew bandiera. Kellu jkollha l-vitalità, l-istruttura… kien hemm ħafna ħsieb warajha, imma mill-perspettiva tiegħi kellha taħkem l-ispazju. Kellha tkun b’saħħitha biżżejjed li tkun fissa u tkun komda fl-ispazju.”
Imma l-isfida għal Hodges kienet li t-tila kbira ma kinitx l-istil tiegħu. “Kif kienet se tkun l-espressjoni? Dak għadda minn ħafna iterazzjonijiet.”
Tabilħaqq, Mamajamma kienet l-aħħar tila li lesta Hodges. “Kont imbeżża’. Taf x’jiġifieri meta tħalli l-affarijiet għall-aħħar? Kien hemm ħafna xi jħallini nipprokrastina, imma f’moħħi, kelli lil Caravaggio jħares lejja. Imma dan kollu tani wkoll iż-żmien biex nitbiegħed ftit, ninża’ minn fuqi l-biża’ tal-ħolqien ta’ xi ħaġa hekk, negħleb l-ansjetà tal-ħolqien ta’ xi ħaġa hekk kbira.”
Hodges jgħid li r-riżultat kien odi lil Caravaggio. Imma b’xi mod bata sakemm fehem, sakemm sa fl-aħħar seta’ jiskopri t-ton jew il-mużikalità għal xogħlu. Imma mbagħad il-kulur, il-paletta, u t-tessut dehru jingħaqdu biex jiddistillaw l-ispirtu ta’ xogħlu.”
L-elementi li Hodges sejjes fi ħdan il-kompożizzjoni tiegħu li tħares lura lejn Caravaggio, tista’ tingħaraf mill-azzjoni li tidher fuq naħa waħda tat-tila – logħba waterpolo, dehra komuni f’ħafna rħula mal-kosta f’Malta – u fuq naħa oħra l-ispazju, żewġ figuri jħarsu, jinkwadraw l-attività – bix-xbieha ta’ Salomé bil-platt f’idha, tistenna ras San Ġwann fuq wara tal-pixxina.
Hodges jipproponi l-isport bħala reliġjon ġdid li l-ispirtu gladjatorjali tiegħu jikkmanda l-qima ta’ miljuni globalment. “Konna nafu li l-intenzjoni tal-Knisja għal Caravaggio kienet li allegorikament demm San Ġwann jiċċarċar fuq il-kongregazzjoni… Kont qed nipproponi pjattaforma ġdida, kif esperjenzajtha f’Malta, il-waterpolo,” jgħid Hodges, waqt li jsemmi timijiet mill-Premier f’Malta. “Dan element gladatorjali, impenjat, u anki mod ferrieħi kif tgħaqqad lill-komunitajiet… qima ġdida.”
L-elementi ta’ Qtugħ ir-Ras huma ppreżentati f’Mamajamma bix-xebba – figura materna li teżisti f’ħafna mill-pitturi ta’ Hodges – bid-demm nieżel mal-art tal-pixxina… bħaż-żewġ figuri fit-tieqa tal-ħabs ta’ Caravaggio, Hodges jimmaġina li sa issa laħqu ħarbu. Imma din l-idea għaddiet minn għadd bla qies ta’ iterazzjonijiet sakemm Hodges għaġinha fil-kunċett tal-waterpolo tiegħu. “Għelbet uħud mill-istrateġiji l-oħra sakemm ħadmet… għax intenzjoni importanti kienet kif se jarawha n-nies ta’ Malta, kemm se tkun ingaġġanti għalihom.” Imbagħad, Hodges jammetti wkoll dwar il-prattikalitajiet ta’ pittura fuq skala daqstant kbira. F’Mamajamma kien inkwetat b’aspetti bħal kif se jindirizza l-ilma u l-vibrazzjoni tiegħu, jew anki l-kwantità ta’ żebgħa meħtieġa għat-tila. Lill-artist narawh jilgħab f’Mamajamma Study: Water Works (2025), xogħol li fih l-astrazzjoni tal-plejers tal-waterpolo tqanqal l-ilma trasluċidu f’Mamajamma, li Hodges kellu jġib tajjeb mill-ewwel. “Ma stajtx ma nirnexxix mill-ewwel. Biex nirkupraw minn żball hemmhekk, konna nkunu tard. F’dan il-każ, qed veru nesplora, għandi ċ-ċans nilgħab.”
Is-saqaf grilja grilja uniku tal-MICAS jinqabad b’mod mill-isbaħ f’Labor: Place of Honey (2025), ir-rappreżentazzjoni ta’ Hodges taż-żjara tiegħu fl-2024 meta l-mużew kien għadu mhux lest. Hemm il-qbid tas-siluwetti nervużi ta’ Devaney, Martina Darmanin, l-assistenta tal-wirja tagħha, u Phyllis Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-MICAS, li din tal-aħħar laqqmet bħala “Nisa fix-Xifer ta’ Breakdown,” daqstant kienet l-ansjetà fiż-żmien li l-MICAS kien qed jitlesta.
“Kienet pjuttost viżjoni,” jgħid Hodges, waqt li jiftakar fil-mixja fil-mużew mingħajr ħitan. “Dik id-dehra baqgħet miegħi. Id-dawl kien qed jaħdem mod ieħor dak iż-żmien, jerġa’ aktar milli qed jagħmel issa. Kien kaxxa magħluqa ta’ potenzjal; tant ħwejjeġ kienu qed iseħħu, u min-naħa l-oħra kien qed iseħħ tant fuqhom. Jien kont ftit jew wisq ’il barra, kemm nosserva…”
Il-biċċa l-oħra tal-istorja kienet li ħassu mġiegħel li jittraduċi din l-opportunità rari li jara l-post f’stat imneżża’, f’xogħol li oħrajn ma setgħux jagħmlu. “L-element sportiv fija, dak kompetittiv, fakkarni li kont pass qabel il-pitturi kollha li se jiġu warajja. Dik kienet il-gwerra tiegħi: Ħassejt li se jgħidu, ‘kien tajjeb. Imma li wkoll se jgħidu, imma m’għamilx dik.’”
Fis-serje tiegħu Labor, moħħ Hodges jeħodna f’territorji ġodda. F’Labor: Poem of the Seabed, jhewden jekk l-oriġni ta’ xogħlu jistax jiġi lokat f’qiegħ il-baħar. F’Labor: Limoncello, ix-xbieha astratta tal-kosta blatija ta’ Malta għandha figuri jiġru mal-bajja – imma kien ukoll iż-żmien tal-aħħar tas-sajf bir-riħ mix-Xlokk iġib miegħu r-ramel mis-Sahara. Dik is-sensazzjoni fl-arja Maltija kienet it-twelid ta’ Limoncello. “Dak l-att tan-natura… ir-riħ seta’ joħloq din is-sensazzjoni, iġibha Malta u jeħodha lil hinn, biċ-ċpar irqiq, kien dan li wassal għal dawn il-pitturi.”
L-istess sensittività hija preżenti fl-istorja ta’ dawk l-artisti li kienu inkredibbilment sensittivi għat-tibdiliet atmosferiċi, bħal meta Turner pitter il-bidliet atmosferiċi tad-dawl li seħħew mal-vulkan, jew meta Monet pitter l-ismogg ta’ Londra.
L-aktar xogħlijiet astratti ta’ Mela jinsabu fis-serje The Buoy, li għandhom pitturi tal-baħar bit-timbru li huwa indubbjament ta’ Hodges. Anki wara li ħalla California, il-familjarità tal-baħar, forsi wkoll maqbuda fil-poster ta’ Winslow Homer, Watching the Breakers: A High Sea (1896) li kellu fid-dar ta’ tfulitu f’Compton, baqgħet ma’ Hodges, anki wara li mexa lejn New York. Bħas-siluwetti ta’ Hodges, ix-xogħol ta’ Homer għandu tliet persuni jħarsu, li l-identità, jew ġeneru, jew nazzjonalità, tagħhom għadhom misteru. Fir-rappreżentazzjoni umana ta’ Hodges, l-ispazji negattivi mdawra bl-iswed jissejsu għalkollox fl-ambjent mibni madwarhom.
“L-idea kienet li aħna prodotti tal-ambjent tagħna, u nħalli l-figura toħroġ. Għalhekk, l-aktar ħaġa pura fil-pittura kienet l-art, u qatt ma missejt il-figura, li setgħet toħroġ minn dik il-purità, u mis-swidija,” jgħid Hodges.
“Ħassejt li huwa verament element qawwi, li kulħadd jista’ jara lilu nnifsu f’dawn il-figuri, figuri għall-umanità bl-aktar mod pur. Il-fatt li ħerġin mill-art, li jitilgħu mill-ambjent madwarhom, kienet mod ta’ ħsieb u kif nasal għall-figurazzjoni tiegħi.”