Il-katalgu MICAS-Skira tal-wirja Milton Avery issa jinsab għall-bejgħ

It-tielet pubblikazzjoni tal-MICAS mal-pubblikaturi ewlenin tal-arti Skira ta’ Milan huwa l-katalgu essenzjali tal-wirja Colour, Form & Composition: Milton Avery and his Enduring Influence on Contemporary Painting

MICAS ħabbar il-pubblikazzjoni tal-katalgu tal-wirja storika tiegħu tal-2025, Colour, Form & Composition: Milton Avery and his Enduring Influence on Contemporary Painting, stħarriġ viżwali uniku tal-kulurist Amerikan ewlieni Milton Avery, akkumpanjat mix-xogħlijiet ta’ seba’ artisti kontemporanji.
Il-katalogu – Milton Avery. Colour, Form & Composition – hija t-tielet kollaborazzjoni tal-MICAS mal-pubblikaturi magħrufa tal-arti Skira, ta’ Milan, pubblikaturi ewlenin fid-dinja tal-katalgi tal-arti, u jinsab għall-bejgħ f’Malta biss fil-ħanut tal-MICAS.
Din il-pubblikazzjoni ta’ kwalità għolja tinkludi kontributi mill-kuratriċi tal-wirja, d-Direttur Artistiku tal-MICAS Edith Devaney, flimkien ma’ intervisti individwali stil konverżazzjoni, mal-artisti parteċipanti kollha – Henni Alftan, Harold Ancart, March Avery, Andrew Cranston, Gary Hume, Nicolas Party, u Jonas Wood.
Il-ġabra affaxxinanti ta’ intervisti hija narrattiva importanti ta’ din il-vetrina fuq Milton Avery. B’ħarsa lura lejn il-moderniżmu Amerikan kif ukoll lejn l-iżvilupp u l-influwenzi tal-artisti parteċipanti, il-qarrejja jitgħallmu kif il-kontroll tal-kulur, tal-forma u tal-kompożizzjoni ta’ Avery ikompli, b’xi mod jew ieħor, issawwar l-arti kontemporanja attwali.
“Fl-esplorazzjoni tal-wirt artistiku ta’ Milton Avery u ta’ kif aspetti ta’ dak il-legat jibqgħu identifikabbli fix-xogħol ta’ wħud mill-aktar artisti ċċelebrati tal-lum, mhux biss erġajna kkuntestajna x-xogħol tiegħu, iżda anke dak tal-parteċipanti kontemporanji kollha, u b’hekk irrikonoxxejna li l-istorja tal-arti mhijiex biss linja dritta,” qalet Devaney dwar il-pubblikazzjoni.
Colour, Form & Composition: Milton Avery and his Enduring Influence on Contemporary Painting jibqa’ jintwera fil-MICAS sa Marzu 2026.
“Il-wasla ta’ Milton Avery fil-MICAS huwa kemm pass importanti, kif ukoll missjoni mwettqa għalina. Din il-wirja tirrappreżenta waħda mill-aktar preżentazzjonijiet komprensivi tal-ħidma ta’ Avery, li qatt intweriet fl-Ewropa – avveniment bla preċedent għal Malta, u mument kburi għall-MICAS hekk kif inkomplu bl-impenn tagħna li nippreżentaw arti kontemporanja ta’ sinifikat globali,” qalet iċ-chairperson eżekuttiv tal-MICAS Phyllis Muscat. “Fil-MICAS, kull wirja hija pont – bejn Malta u d-dinja, bejn l-artisti u l-udjenzi, bejn il-passat u l-preżent. B’Avery, dan il-pont huwa wieħed storiku.”
Il-MICAS diġà ppubblika l-katalogi tal-wirjiet ewlenin tiegħu tal-2024 u l-2025 – Joana Vasconcelos: Transcending the Domestic, u The Space we Inhabit (Caesar Attard, Vince Briffa, Joyce Camilleri, Austin Camilleri, Anton Grech, Pierre Portelli) – minbarra l-katalogu tal-wirja diġitali Bejn il-Baħar u l-Art. Il-pubblikazzjonijiet li ġejjin jinkludu l-katalgu tal-wirja ta’ Raymond Pitrè, Figure in Rods.

Dwar il-ktieb

“Xi bżonn hemm li titkellem meta tista’ tpinġi?” – hekk huwa magħruf li stqarr Milton Avery, il-kulurist ikoniku tal-arti moderna Amerikana. Bħala aforiżmu, jiġbor fih id-dinja siekta ta’ dan l-artist prodiġju, li l-metodu ta’ komunikazzjoni tiegħu kienet it-tila tiegħu: iżda ma kienx qabel l-1952, fl-età ta’ 67 sena, li Avery irċieva l-ewwel wirja retrospettiva tiegħu fil-Mużew tal-Arti ta’ Baltimore, li ġabitlu livell ta’ esponiment li qatt ma kien esperjenza qabel, minkejja li kien attiv għal kważi 40 sena.
Filwaqt li jirrikonoxxi li Avery jibqa’ pittur influwenti għall-ġenerazzjoni tal-lum ta’ artisti kontemporanji, dan il-ktieb, ippubblikat fl-okkażjoni tal-wirja bla preċedent tal-MICAS, joffri vetrina rari tal-arti ta’ Avery flimkien ma’ xogħol minn kast stellari ta’ artisti li jwieġbu għal xogħolu – li jinkludu lil bintu March Avery u oħrajn li ħadu x-xogħol tiegħu bħala ispirazzjoni għall-użu tagħhom tal-kulur: Henni Alftan, Harold Ancart, Andrew Cranston, Gary Hume, Jonas Wood u Nicolas Party.

Dwar Skira

Id-dar tal-pubblikazzjoni Taljana Skira tkopri l-istorja kollha tal-arti u hija meqjusa bħala awtorità dinjija fuq l-arti. Imwaqqfa minn Alberto Skira fl-1928 bi pubblikazzjonijiet inawgurali dwar Picasso, Ovid u Surrealism, illum Skira kkonsolidat il-pożizzjoni tagħha bħala pubblikatur ewlieni fid-dinja tal-arti li jinkorpora l-bidla perpetwa tal-arti u l-ispirtu ta’ tagħlim mingħajr limiti.
Skip to content