Clockwise from left: Nicolas Party, Henni Alftan, March Avery, Jonas Wood, Gary Hume, Harold Ancart, Andrew Cranston

Wirja rari mill-MICAS twassal ikona Amerikan u seba’ artisti ewlenin f’Malta

Is-survey ta’ Milton Avery jinkludi kast stellari ta’ artisti kontemporanji mill-Istati Uniti tal-Amerka u l-Ewropa

L-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta (MICAS) għal darb’oħra se tagħti vetrina unika, u anki rari, tal-arti moderna u kontemporanja f’Ottubru 2025.
Magħruf bħala wieħed mill-iżjed artisti Amerikani importanti tas-seklu 20, ix-xogħlijiet ta’ Milton Avery (1885-1965) jinsabu f’għadd kbir ta’ kollezzjonijiet istituzzjonali ewlenin madwar l-Amerka, iżda l-ewwel wirja tiegħu f’mużew fl-Ewropa kienet biss reċentement fl-2022 fl-Akkademja Rjali tal-Arti f’Londra.
Issa l-MICAS se tvara l-wirja Colour, Form and Composition: Milton Avery and his Enduring Influence on Contemporary Painting, mis-Sibt 25 ta’ Ottubru, b’ikltar minn 30 xogħol ta’ Avery li se jintwerew flimkien ma’ ‘tweġibiet’ ta’ artisti kontemporanji li jqisuha bħala influwenza: Henni Alftan, March Avery li tiġi bint Milton, Harold Ancart, Andrew Cranston, Gary Hume, Nicolas Party u Jonas Wood.
“Din hija wirja sinifikanti u unika għal Malta – il-MICAS hija biss t-tieni istituzzjoni Ewropea li qatt ospitat retrospettiva ta’ Milton Avery iżda din id-darba flimkien ma’ stillel tal-arti  kontemporanji, kull wieħed u waħda bir-rispons artistiku tagħhom għax-xogħlijiet ta’ Avery li se jintwerew,” qalet l-kuratur u d-Direttur Artistiku tal-MICAS Edith Devaney.
Avery meqjus bħala influwenza fuq il-protagonisti żgħażagħ ta’ l-Espressjoniżmu Astratt, speċifikament Mark Rothko, Barnett Newman u Adolph Gottlieb. “Ħafna mix-xogħol bikri tiegħu kellu rwol influwenti fl-iżvilupp ta’ dak il-moviment. Dawn it-tliet artisti esprimew l-ammirazzjoni profonda tagħhom għax-xogħol u l-prattika ta’ Avery tul ħajjithom,” qalet Devaney.
“Sa ċertu punt, Avery kien pont bejn żewġ movimenti Amerikani sinifikanti tas-seklu 20 –l-Impressjoniżmu Amerikan u l-Espressjoniżmu­ Astratt – u għalhekk din il-wirja tal-MICAS tesplora sa fejn xogħol Avery baqa’ punt ta’ riferenza għall-artisti­ kontemporanji ewlenin ta’ żmienna.”
Devaney qed taħdem ma ‘ disinjatur ibbażata f’Pariġi, Cécile Degos, f’din il-wirja tematika li tpoġġi l-pitturi ta’ Avery flimkien ma’ xogħlijiet ġodda kkreati għexieren ta’ snin wara, fi djalogu viżiv ġdid li se jagħi kuntest ġdid għax-xogħol ta’ Avery lil hinn mill-qafas storiku tiegħu.
Iċ-chairperson eżekuttiv tal-MICAS Phyllis Muscat qalet li fl-ewwel sena tal-mużew, li bdiet bil-wirja tal-artista Portugiża Joana Vasconcelos, u eżebizzjonijiet oħra għall-artisti Maltin Ray Pitrè, Caesar Attard, Vince Briffa, Austin Camilleri, Joyce Camilleri, Anton Grech, u Pierre Portelli, issa se tintemm b’eżebizzjoni mill-aktar livell għoli.
“MICAS huwa pjattaforma għall-eċċellenza tal-artisti kontemporanji tal-gżira tagħna, kif ukoll destinazzjoni għall-arti kontemporanja internazzjonali. Din il-wirja ta’ Milton Avery turina sew l-oriżżonti li qed nilħqu bl-ambizzjoniji zgħażugħa tagħna, biex wasalna biex nospitaw xogħol ta’ ikona Amerikana tal-kulur flimkien ma’ xogħolijiet ta’ seba’ pitturi li jsellmu lil Avery,” qalet Muscat. 

Dwar il-wirja

Din il-wirja tesplora l-wirt artistiku ta’ Milton Avery u kif aspetti ta’ xogħlu jistgħu jiġu identifikati f’uħud mill-aktar artisti ċċelebrati tal-lum.
Effettivament stħarriġ tal-karriera kollha ta’ Avery, din il-wirja tkopri s-suġġetti li ġadem fuqhom Avery qisu minn nofs sal-aħħar tas-snin erbgħin, kif ukoll lejn l-aħħar ta’ ħajtu mis-snin ħamsin sal-bidu tas-snin sittin, fejn jikxfu kemm l-influwenza kontinwa tal-Moderniżmu Ewropew, b’mod partikolari Ma­tisse; kif ukoll l-influwenza profonda li Avery kellu fuq il-pitturi Espressjonijisti Astratti, u dak li hu ħa minnhom, meta x-xogħlijiet tiegħu bdew isiru inqas figurattivi.
“Se nagħtu kuntest ġdid mhux biss għax-xogħol ta’ Avery, iżda lil dak tal-parteċipanti kontemporanji kollha, u b’hekk nirrikonoxxu l-kunċett li l-istorja tal-arti mhux dejjem timxi ma’ linja dritta,” qalet Edith Devaney.
Il-kittieb u storiku tal-arti Dore Ashton ikkummentat tul ħajjet Avery li kien “pittur tal-pitturi” – din il-wirja tal-MICAS se tesplora kemm dik il-karatterizzazzjoni tiegħu tibqa’ vera sal-lum, bl-artisti parteċipanti jiżvelaw ir-relazzjoni personali tagħhom max-xogħol ta’ Avery, fejn kull wieħed minnhom jidentifika aspetti differenti ħafna tal-prattika tiegħu.

Kull wieħed mill-artisti kontemporanji parteċipanti kkunsidra l-għażla ta’ xogħolhom abbażi tax-xogħolijiet fil-wirja ta’ Milton Avery.

  • Henni Alftan (Finlandiża, mwieleda fl-1979) – kellha wirja personali fi New York fl-2025;
  • March Avery (Amerikana, mwielda fl-1932) – bint Avery u pittriċi ta’ suċċess;
  • Harold Ancart (Belġjan, imwieled fl-1980) – fl-2024 kellu wirja ċċelebrata ħafna ta’ pitturi fil-gallerija Gagosian f’Pariġi;
  • Andrew Cranston (Skoċċiż, imwieled fl-1969) – dan l-aħħar kellu wirja ta’ suċċess fil-gallerija Karma ta’ Los Angeles;
  • Gary Hume (Ingliż, imwieled fl-1962) – YBA u membru tal-Akkademja Rjali. Dan l-aħħar kellu wirja personali fi Sprüth Magers f’Londra;
  • Nicolas Party (Svizzeru, mwieled fl-1980) – kellu wirja personali ewlenija fil-Mużew tal-Arti ta’ Hoam, Yongin, il-Korea t’Isfel fl-2024. Fl-2023 wera xogħol fil-Frick Collection, New York;
  • Jonas Wood (Amerikan, imwieled fl-1977) – Fl-2024 kellu wirja personali fil-Gagosian ta’ Londra.
Skip to content