Milton Avery, c. 1930s

Milton Avery: Gwida Introduttorja

Magħruf l-aktar għall-pitturi tiegħu ta’ pajsaġġi trankwilli u oġġetti inanimati minn nofs is-seklu, Avery (1885-1965) qed jerġa’ jiġi skoprut mill-ġdid bis-saħħa tal-istess aspetti li preċedentement il-kanonu kritiku kien jinjora minħabba l-ossessjoni tiegħu dwar l-astrazzjoni u r-Realiżmu soċjali

Fil-pittura tiegħu Husband and Wife, bi lwienha radjanti b’mod sottili, Milton Avery jistedinna għal lejla intima fil-villaġġ ta’ Greenwich. Fiha hemm raġel bilqiegħda fuq pultruna, wiċċu mixgħul lewn il-larinġ sforz is-saħna ta’ fehmtu, waqt li martu, liebsa blu skur u ċelesti, tinsab bilqiegħda b’daharha lura fuq sufan jagħti fl-isfar u kulur il-mustarda, b’idejha marbuta f’distanza minn żewġha. Bilkemm jidher kontorn wieħed – kulma hemm dawl, forma, u kulur.
Imma fiha hemm kollox: karattru, emozzjoni, ħin, u post – il-kulur huwa l-vuċi, ir-raġuni għaliex Avery jibqa’ forza individwali fl-arti Amerikana, għadu teneru, radikali, u jibqa’ jegħleb it-test taż-żmien. Magħruf l-aktar għall-pitturi tiegħu ta’ pajsaġġi trankwilli u oġġetti inanimati minn nofs is-seklu, Avery (1885-1965) qed jerġa’ jiġi skoprut mill-ġdid bis-saħħa tal-istess aspetti li preċedentement il-kanonu kritiku kien jinjora minħabba l-ossessjoni tiegħu dwar l-astrazzjoni u r-Realiżmu soċjali.
Milton Avery, 1944. The Milton and Sally Avery Arts Foundation – Consuelo Kanaga

Imwieled fil-klassi tal-ħaddiema

Imwieled f’Altmar, fi New York, fl-1885, Avery kien l-iżgħar wild minn erba’ aħwa f’familja mill-klassi tal-ħaddiema. Wara li fl-1898 mexa lejn Hartford, ta’ 16-il sena telaq mill-iskola biex jibda jaħdem ġo fabbriki – jarma t-typewriters u jħaddem il-magni – fi żmien li sforz il-mewt ta’ missieru fl-1905, il-familja tiegħu sabet ruħha f’qagħda finanzjarja mwiergħa.

Pittur tal-iskola ta’ billejl

Biex isostni lil qrabatu, Avery kellu jibbilanċja bejn ix-xogħol fil-fabbrika matul il-jum u l-lezzjonijiet tal-arti filgħaxija. Bejn l-1905 u l-1918, huwa studja d-disinn bl-ittri, it-tpenġija ta’ mudelli umani, u attenda għal korsijiet msejsa fuq it-tpenġija tal-mudelli fil- Connecticut League of Art Students – b’dan kollu jservi ta’ sies għal tagħlim diliġenti tul ħajtu, dejjem xprunat minnu nnifsu.

Jiddedika ħajtu esklużivament għall-arti tard fil-ħajja

Avery ma tax ruħu esklużivament għall-arti qabel qabeż l-erbgħin. Minkejja li kien ilu jesebixxi xogħlu sa mill-1915, huwa baqa’ jaħdem bħala skrivan f’kumpanija tal-assigurazzjoni sal-1925, is-sena li fiha mexa lejn New York flimkien ma’ martu Sally Michel – l-istess sena li tibqa’ mfakkra għall-ewwel wirja tiegħu f’Manhattan u l-impenn esklużiv tiegħu għall-arti.

Viżjoni indipendenti

Huwa ngħaqad mal-gallarija influwenti Valentine Gallery fl-1935 u aktar tard fl-1943 ma’ Rosenberg & Co. Madankollu, irreżista li jikkonforma ma’ xi moviment partikolari. Barbara Haskell ikkummentat li Avery “offra pont bejn l-arti Realista u Astratta” billi fittex estetika personali ħielsa minn xejriet partikolari.
 
Milton Avery, Brown Sea, 1958

Il-kulur bħala ħsieb

Il-ġenju ta’ Avery ma joħroġx minn dettalji metikolużi jew ġesti ta’ bravura, imma fil-mod kif huwa jiġbor id-dinja f’essenza ta’ burdata u kulur. Il-figuri tiegħu huma ħafna drabi bla wiċċ, bil-kontorni tiegħu kemm kemm jidhru. Imma l-kompożizzjonijiet tiegħu ħajja b’nifsijiethom.
Fil-pittura tiegħu Poetry Reading (1957), żewġ nisa – martu Sally Michel u bintu March, it-tnejn artisti, jinsabu bilqiegħda bi ktieb miftuħ quddiemhom. Il-paletta tal-kulur hija mgħajba: kannella, safranija fil-kannella, griża. Imma x-xena xorta terħi għożża emozzjonali, bil-forom jidħlu f’xulxin daqslikieku rimi ħfief.
Il-metodu ta’ Avery li jraqqaq iż-żebgħa taż-żejt fi kważi akkwarelli konsistenti jagħti lit-tili tiegħu dawl u tmewwiġ.

Rabtiet influwenti

Permezz tal-ħbiberija tiegħu ma’ Mark Rothko, Adolph Gottlieb, u Barnett Newman matul it-tletinijiet, l-ilwien ċatti u jixegħlu ta’ Avery f’forom simplifikati ħallew impatt profond fuq il-ġenerazzjoni ta’ warajh ta’ Espressjonisti Astratti – b’ħafna jirrikonoxxuh bħala l-gwida tagħhom.
Avery lagħab bl-ispazju negattiv, il-kontorni, u l-veli ta’ lwien b’mod li antiċipa t-tħassib ta’ pitturi bħal Rothko li ffokaw fuq espansjoniet ta’ lwien, tant li dan tal-aħħar darba sejjaħ lil Avery “inventur kbir tal-poeżija tas-seklu 20.”
Tabilħaqq, kemm Rothko kif ukoll Barnett Newman irrikonoxxew lil Avery bħala influwenza ewlenija. Fil-kommemorazzjoni ta’ Avery, iddeskriva l-appartament f’Upper West Side fejn it-tliet artisti kienu ta’ spiss jiltaqgħu, bħala wieħed b’“ħitan dejjem miksija b’firxa bla tmiem u f’tibdil kontinwu ta’ poeżija u dawl.”

Id-Debutt f’Mużew u Fellowships

Fl-1929, The Phillips Collection xtrat xogħlu u fl-1944, tellgħet l-ewwel wirja individwali tiegħu f’mużew. Duncan Phillips sostna l-ewwel snin tal-karriera ta’ Avery, billi kiseb l-ewwel xogħol tiegħu Winter Riders (1929) u daħħlu fil-kollezzjoni. Phillips kien jammira l-indipendenza tiegħu, u assoċjah ma’ artisti oħrajn fil-kollezzjoni bħal Arthur Dove u John Marin. Fl-1963, Avery ġie vvotat Fellow tal-American Academy of Arts and Sciences. Dan saħħaħ ir-rikonoxximent mill-kritiċi li wasal fl-aħħar snin tiegħu.

Saħħtu u sottilezza

Wara li fl-1949 sofra attakk tal-qalb serju, waqt li kien qed jirkupra, Avery dawwar l-attenzjoni tiegħu fuq il-printmaking. Meta reġa’ lura lejn il-pittura, il-kritiċi osservaw użu ta’ kulur aktar sottili b’toni anqas vivaċi f’xogħlu.
Milton Avery fl-istudjo, New York City, c. 30ijiet. The Milton and Sally Avery Arts Foundation

Avery ħoloq eluf ta’ xogħlijiet artistiċi

L-etika tax-xogħol ta’ Avery kienet kważi monastika. In-neputi tiegħu, il-pittur Sean Avery Cavanaugh, jiddeskrivi d-dixxiplina tiegħu bħala waħda tal-Yankees: “Nannuwi kellu etika simili għal ta’ New England, waħda ta’ xogħol jum wara l-ieħor.” Il-werrieta ta’ Avery jikkalkulaw li ħoloq aktar minn elf pittura biż-żejt, u eluf oħra fuq il-karta.

Legat u kollezzjoni

Ix-xogħol ta’ Avery ra qawmien mill-ġdid fis-suq: fl-2022, Sotheby biegħ il-pittura tiegħu tal-1945, The Letter, għal $6 miljuni. Minkejja li wara mewtu fl-1965, l-attenzjoni lejh naqset, retrospettivi aktar tard – bl-aktar waħda riċenti tittella’ mir-Royal Academy (2022) – u rappreżentazzjoni kontinwa tal-werrieta tiegħu permezz ta’ Victoria Miro, Xavier Hufkens, u Karma Gallery, qajmu mill-ġdid l-istatus tiegħu.
Skip to content