It-Tnejn 7 ta’ April
Il-wirja unika ta’ Joana Vasconcelos fl-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta (MICAS) ġiet estiża sal-20 ta’ April, bil-pubbliku mħeġġeġ jara dawn ix-xogħlijiet ewlenin għall-wiri fil-Galleriji MICAS.
Il-wirja Transcending the Domestic, imnedija dakinhar tal-ftuħ tal-MICAS f’Ottubru 2024, hija selezzjoni ta’ installazzjonijiet li jiffukaw fuq id-domestiċità, ippreżentati flimkien ma’ tliet xogħlijiet ewlenin – Tree of Life, The Garden of Eden u Valkyrie Mumbet.
“Dawn ix-xogħlijiet urew kif ċerta aspetti tal-isfidi fil-ħajja ta’ kuljum joħolqu dik ix-xewqa u ħtieġa fina li niskopru iżjed l-aspetti spiritwali tan-natura tagħna sabiex ikollna rifless emozzjonali,” qalet Edith Devaney, id-Direttur Artistiku tal-MICAS.
“Kien il-pjaċir tagħna nospitaw l-eluf ta’ viżitaturi li ġew fis-swali tagħna, kif ukoll l-opportunità biex nuruhom l-eżebiti personalment, u nispjegaw ix-xogħlijiet ta’ Vasconcelos, ir-rwol tal-ġeneru u l-politika kulturali fix-xogħlijiet tagħha, u saħansitra naraw lill-viżitaturi żgħażagħ u anzjani jinteraġixxu ma’ dak li hi l-materjalità tax-xogħlijiet ta’ Vasconcelos,” qalet Devaney.
Il-preżentazzjoni tax-xogħol ta’ Vasconcelos fil-MICAS kienet ukoll ċelebrazzjoni tat-tlestija ta’ dan il-proġett ta’ €30 miljun u l-arkitettura kontemporanja tagħha.
Ladarba l-wirja tiżżarma fl-aħħar ta’ April, il-MICAS se jinbidel minn ġewwa bi tħejjija għall-wirja The Space We Inhabit, li se tinkludi sitt artisti kontemporanji Maltin.
“Fix-xhur li ġejjin, il-MICAS se jinbidel b’mod gradwali, filli qed jospita x-xogħlijiet monumenali ta’ Vasconcelos, u issa jitħejja għal tip ta’ spettaklu differenti u għażiż ħafna għalina: l-arti Maltija se tkun protagonista fuq il-pjattaforma internazzjonali ta’ din l-istituzzjoni,” qalet iċ-chairperson eżekuttiv tal-MICAS Phyllis Muscat.
Fl-2025, il-MICAS ospita żewġ Open Weekends li taw aċċess bla ħlas lill-pubbliku, kif ukoll tnieda x-xogħol tiegħu Figure in Rods tal-mibki artisti Raymond Pitrè, ikona tal-arti moderna Maltija ta’ wara l-gwerra, li issa huwa installat b’mod permanenti fuq l-ispjanatura tal-MICAS.
“Inħeġġu lil kulħadd biex jiġi u jgawdi l-ispazju kbir fil-MICAS u jagħmel l-aħjar użu minn din l-‘aħħar opportunità’ biex jaraw x-xogħlijiet ta’ Joana Vasconcelos fl-ispazji kbar tagħna,” qalet Muscat.