Georgina Portelli Speech during Education Conference 2023
Dr Georgina Portelli

Inlaqqgħu l-arti, l-arkitettura, u n-natura flimkien: il-Ġnien tal-Iskultura tal-MICAS

Dr Georgina Portelli, membru tal-bord tal-MICAS u president tal-kumitat edukattiv tiegħu, tispjega kif il-ġeografija tal-magna tal-gwerra ta’ Malta llum qed tiffjorixxi f’ekosistema ġdida u Agora ta’ arti kontemporanja

Ħafna li jżuru Malta, waqt li jkunu fi triqithom lejn id-daħla tal-Furjana u wara l-Belt Valletta, jintlaqtu minn Bieb il-Bombi, minħabba li huwa uniku. Waqt li jidher bħala arkata trijonfali solitarja, predominanti f’tant bliet Ewropej kbar, xi darba kien sempliċiment arkata waħda li tgħaqqad il-ħajt difensiv li kien jassigura s-Swar tal-Furjana, waqt li kienu jaqsmu minn naħa waħda tal-Port ta’ Marsamxett, sal-ġewwieni tal-Port il-Kbir.
Il-ħitan difensivi li xi darba kien jgħaqqdu din id-daħla għebu, sforz l-urbanizzazzjoni bil-miġja tat-toroq usa’. Imma ħarsa mill-għoli tista’ tgħinna napprezzaw l-espressjoni loġika u ġeometrika ta’ dawn il-fortifikazzjonijiet li xi darba kienu jagħmlu tajjeb għall-ħtiġiet tal-magna tal-gwerra, u l-mod kif dawn il-bastjuni tal-imgħoddi kienu rinforzati b’gandotti, fortizzi, glasis, u ħitan.
Madankollu, illum, dawn qed jingħataw għan ġdid permezz tal-aktar proġett artistiku u ta’ patrimonju eċċitanti f’Malta għal dawn l-aħħar deċennji.
Dr Georgina Portelli, membru tal-bord tal-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) u president tal-kumitat edukattiv tikkummenta li għandna għalfejn niċċelebraw, minħabba li aktar minn 6,000 metru kwadru ta’ dan il-pajsaġġ storiku ttieħed lura u ngħata għan ġdid bħala spazju għall-arti u l-kultura. “Li qed jiġri fil-MICAS, huwa essenzjalment, intervent kontemporanju fi ħdan il-pajsaġġ storiku tal-Furjana, li japproprija mill-ġdid dawn il-bastjuni inkredibbli u bi dritt jiddemokratizza l-ispazju,” tistqarr Portelli dwar il-MICAS, pjattaforma unika ta’ €30 miljun li mistennija tkun is-sejħa ta’ Malta lid-dinja tal-arti kontemporanja internazzjonali.

“Il-kultura, l-arti, u l-estetika huma ċentrali għall-benesseri tal-bniedem…  Il-benesseri fiżiċi u mentali tagħna huma wkoll dipendenti fuq il-kwalità tal-involviment tagħna mad-dinja naturali.”

 
“Mhux biss żgurajna l-konservazzjoni kontinwa tagħhom u ssalvagwardjajna wirt kulturali u żoni ta’ pajsaġġ b’valur għoli, imma qed nagħmlu dan kollu billi niffaċilitaw l-aċċess għall-arti.”
Portelli, ilha timbotta ’l quddiem l-irwol tal-MICAS fil-komunità bħala wieħed li mhux biss ‘mużew’, imma proġett li jsir parti intima mill-pajsaġġ tal-Furjana u l-Belt Valletta. Fil-lokazzjoni ġeografika tal-MICAS fi ħdan il-kumpless tas-Swar tal-Furjana, tara ħolqa li tiftaħ spazji ħodor waqt li dawn irawmu interazzjonijiet soċjali inklużivi permezz tal-arti.
“Il-viżjoni tal-MICAS hija intrinsikament dwar żvilupp ta’ esperjenza tal-arti viżiva multidixxiplinari, olistika u immersiva, li tista’ twessa’ l-parteċipazzjoni kulturali tal-persuni permezz ta’ tlaqqigħ mal-arti kontemporanja,” tikkummenta Portelli.

L-ispazju aħdar fil-Forti San Salvatore
 
Hija żżid li huwa għalhekk, li l-kunċett tal-MICAS sa mill-bidu nett tiegħu kien li jrawwem kuxjenza lejn ambjenti naturali.
Il-Furjana, ir-raħal li se jospita lill-MICAS, kien subborg fid-daħla tal-promonitorju tal-Belt Valletta, li ħareġ mill-fortifikazzjonijiet imfassla matul is-sekli 17 u 18 mill-inġiniera militari rinomati Pietro Floriani u aktar tard Maurizio Valperga, Carlos de Grunenbergh, u François de Mondion. Illum, il-bastjuni tagħhom, il-fortizzi, u l-ħitan difensivi huma parti integrali tal-veduti tal-portijiet.
“L-għan ewlieni huwa li nipprovdu opportunitajiet u rabtiet sinifikanti bejn il-komunitajiet u l-ambjenti soċjali, fiżiċi, u naturali tagħhom, waqt li fl-istess ħin ninfurzaw relazzjonijiet u sens ta’ appartenenza. Dawn ir-rabtiet se jinfirxu permezz tal-arti, il-kultura, u l-aċċess b’xejn lejn spazji miftuħa,” tistqarr Portelli.
Tabilħaqq, l-ispazji pubbliċi fi ħdan il-bliet jevolvu maż-żmien – u hawnhekk naraw kif l-istrutturi difensivi ta’ żmien il-Kavallieri, li darba ddefendew kontra l-inkursjonijiet tal-Ottomani, wara nbidlu f’difiża kontra l-attakki mill-ajru tal-Qawwiet tal-Assi fit-Tieni Gwerra Dinjija. “Minkejja li l-bliet jikbru, jiddeterjoraw, u anki jiġġeddu, l-ispazju pubbliku jibqa’ intrinsiku għall-pulmun tagħhom, bħala spazju ta’ ħolqien ta’ post, ħolqien ta’ sinifikat, u sfera potenzjali ta’ memorja,” tkompli Portelli waqt li tenfasizza kif spazji fiżiċi jistgħu jkunu siti ta’ emozzjoni, sentiment u nostalġija għal tant minna.
“Il-bliet huma abitat uman u l-ħtieġa pervażiva għal spazju pubbliku u l-funzjonijiet varji tiegħu jsostnu l-osservazzjoni ta’ Aristotli li l-umani huma fin-natura tagħhom annimali politiċi, essri soċjali bi bżonn kbir li jinteraġixxu ma’ oħrajn – sija bħala stranġieri sija bħala konoxxenti – li joħolqu sinifikat minn qsim temporanju ta’ dinjiet soċjali. Għalhekk l-ispazji pubbliċi jsiru vitali bħala mkejjen f’belt fejn tali ħtieġa soċjali tista’ tintlaħaq.”
Portelli tgħid li sa mill-bidu nett, l-etos tal-MICAS kienu t-tlaqqigħ ta’ dak li hu soċjali ma’ dak li hu estetiku f’din it-tfittxija għal ħolqien ta’ post. Illum naraw il-Forti San Salvatur, bit-terazzin espansiv tiegħu, jingħaġen bil-mod il-mod bħala l-Ġnien tal-Iskultura tal-MICAS, li se jinfetaħ fl-2026. “Dan se jkun spazju uniku fil-belt, fejn in-nies se jiltaqgħu b’mod attiv mal-arti kontemporanja, in-natura, u ambjent b’materjal storiku,” Portelli tgħid, bit-tama li dan il-ġnien ikun sit ieħor għall-ħolqien ta’ memorji, rabtiet, u esperjenzi ġodda għall-komunità.
“Il-kultura, l-arti, u l-estetika huma fil-qalba tal-benesseri umani. U l-umani huma parti minn ekosistema usa’, u għalhekk involviment sostnut ma’ ambjenti naturali huwa wkoll kruċjali. Il-benesseri fiżiċi u mentali tagħna huma wkoll dipendenti fuq il-kwalità tal-involviment tagħna mad-dinja naturali.”

“Il-MICAS jiffaċilita r-rabta ma’ dan l-ambjent naturali, imma issa nħoloq ukoll saff ġdid għal dawn il-fortifikazzjonijiet u fdalijiet: Agora ta’ arti kontemporanja, xi ħaġa li hija dinamika, kontemporanja, u kulturali.”

 
Flimkien mal- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), il-MICAS xerred il-flora preżenti fuq dan it-terazzin bil-ħamrija u l-inħawi tiegħu, b’dan l-għarfien jinforma l-pajsaġġar u t-txettil b’sensittività lejn il-kuntest tiegħu. Huwa hekk biss li jista’ jassigura kontra kwalunkwe periklu lejn it-tessut tal-ġebla storika u l-ambjenti naturali stabbiliti tal-inħawi.
“Mhux se nkunu qegħdin sempliċiment inħawlu fillieri ta’ siġar dekorattivi, jew nikkuntentaw b’pajsaġġar artifiċjali jew medda ta’ ħaxix li teħtieġ ħafna biex tinżamm,” Portelli tirrimarka. “Dan kollu għandu għeruqu f’ekosistema vijabbli, sostenibbli, u nattiva.”

Dr Georgina Portelli

 
L-arti pubblika se ssebbaħ il-Ġnien tal-Iskultura, ‘gallerija miftuħa’ li tgħaqqad il-bijodiversità urbana mal-kultura u l-arti kontemporanja, kif ukoll se joffri aċċess pubbliku għall-akkwisti tal-MICAS, esebizzjonijiet fuq barra, proġetti performattivi, u avvenimenti oħrajn. Qed titħejja wkoll fażi ekoloġika addizzjonali oħra, li aktar tard se tospita x-xogħol artistiku The Radiant ta’ Ugo Rondinone, li bħalissa qed jgħasses fis-silenzju l-Ġonna ta’ Sa Maison wara l-fortizza.
“Hija ‘gallerija fil-miftuħ’ li tikkumplimenta l-galleriji ta’ ġewwa u tkabbar bil-kbir il-potenzjal tal-MICAS li joffri programm ta’ esebizzjonijiet qawwi u varjat,” tikkummenta Portelli dwarha.
“L-aspirazzjoni tal-MICAS bħala spazju tal-arti ewlieni hija li jrawwem interazzjoni soċjali permezz tal-arti kontemporanja: għalhekk li jagħmel l-arti aċċessibbli għal kulħadd, u li jagħti aċċess pubbliku lil kulħadd, huma valuri ċentrali għalina.”
L-iżvilupp tal-Ġnien tal-Iskultura u spazji miftuħa u terazzini oħrajn se jagħtu lill-pubbliku aktar aċċess għal mixjiet storiċi, spazji ekoloġiċi, spazji miftuħa, u veduti tal-baħar li ilhom moħbija.
Dawn l-elementi minsuġa ta’ tapestrija urbana li mill-banda l-oħra hija densa, se tagħmel parti minn kuritur organiku li jagħti għall-MICAS, mgħaddas fil-pajsaġġ storiku tas-Swar tal-Furjana u l-ekosistemi tal-madwar tal-port urban.
“L-istorja urbana tal-Belt Valletta u l-Furjana hija marbuta mal-veduti tal-baħar ta’ Marsamxett u l-Port il-Kbir. Għandhom għeruqhom fil-memorja, u dan joħloq sens ta’ appartenenza fil-komunitajiet tagħna. Meta tassorbi l-veduta tax-xefaq minn dawn il-portijiet fortifikati, u l-irħula marbuta ma’ dawn il-veduti tal-baħar, f’daqqa waħda tirrealizza r-rabta li għandna ma’ ekoloġija usa’ globali,” tikkummenta Portelli.
Waqt li l-istrutturi artifiċjali tas-Swar tal-Furjana matul is-snin irriżultaw f’telfien ta’ abitat u bijodiversità, Portelli tfakkar li n-natura għandha s-saħħa li tikkolonizza saħansitra l-akbar ġunġli ta’ konkrit urbani, u anki toħloq, “portijiet inkompressibbli, siguri għal speċijiet li l-ekosistemi naturali tagħhom ilhom jiġu mfixxkla.”
Il-bastjuni tal-ġebel tal-Furjana u l-Belt Valletta mhumiex eċċezzjoni. Il-perimetru tal-impronta tal-MICAS minn fuq il-Forti San Salvatur, tagħti għall-ġnien storiku tal-Milorda u l-Pinteum, b’dan tal-aħħar joffri mkien rari ta’ madwar 700 siġra tal-arżnu, imħawla mill-Ingliżi fuq il-glasis tal-bastjun u t-toroq u s-swar fit-tletinijiet tas-seklu 20. Iż-żona bis-siġar tifrex mill-Pietà sal-Furjana u l-Blata l-Bajda u hija parti mis-santwarju tal-għasafar ta’ Bieb il-Bombi.
“Dan is-santwarju għat-tjur jospita għasafar residenti u migratorji – fosthom il-Merill u l-Bufula Sewda – waqt li s-swar tal-fortifikazzjonijiet li jagħtu fuq il-baħar jipprovdu passiġġiera għolja għall-gawwi li kultant jdiħlu fil-port,” tikkummenta Portelli, waqt li tiddeskrivi l-inħawi madwar dan il-pulmun ekoloġiku li stabbilixxa ruħu sew.
“Jeħtieġ inżommu dawn ir-rabtiet mal-ekoloġija naturali fil-fortizza u l-bqija tal-MICAS, sabiex dan il-kuritur ekoloġiku li jiffjorixxi jinżamm għall-komunitajiet tal-madwar u l-bijodiversità urbana.”
Waqt li l-proġett tal-MICAS jimxi ’l quddiem, Portelli tista’ tivviżwalizza kif dan iċ-ċinturin ekoloġiku ta’ bijodiversità urbana se jingħata l-ħajja: mixja twila mill-glasis ta’ Bieb il-Bombi, sal-ġonna ta’ Sa Maison, teħodna dritt fil-galleriji tal-MICAS u l-Ġnien tal-Iskultura.
“Anki jekk jinsab quddiem għajnejna, kultant jinħass bħala spazju moħbi. Fil-fatt, il-MICAS qed jiffaċilita r-rabta ma’ dan l-ambjent naturali, imma issa nħoloq ukoll saff ġdid għal dawn il-fortifikazzjonijiet u fdalijiet: Agora ta’ arti kontemporanja, xi ħaġa li hija dinamika, kontemporanja, u kulturali.”

Skip to content